Il-President tal-UEFA, Aleksander Ceferin, jittama li l-limitu tas-salarju jkun jista’ jiġi introdott fil-football Ewropew, u jgħid li l-clubs kollha jaqblu dwar is-suġġett.
Ceferin qal li kien tkellem mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kwistjoni u saru taħditiet biex tiddaħħal miżura bħal din.
“B’mod sorprendenti, kulħadd jaqbel,” qal lill-midja Amerikana, Men In Blazers.
“Clubs kbar, clubs żgħar, clubs tal-istat, clubs tal-biljunarji, kulħadd jaqbel.”
Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, tkellem dwar il-possibbiltà ta’ limitu tas-salarju fil-football f’Marzu li għadda, u s-suġġett jinsab ukoll fuq ir-radar tal-korp governattiv tal-football Ewropew.
“Fil-futur irridu naħsbu bis-serjetà dwar limitu tas-salarju,” qal Ceferin. “Jekk il-baġits imorru sħaħ allura l-bilanċ kompetittiv tagħna huwa problema.
“Mhux dwar is-sidien, huwa dwar il-valur tal-kompetizzjoni, għax jekk dejjem jirbħu ħames clubs allura ma jagħmilx sens aktar.
“Iżda jrid ikun ftehim kollettiv – kull kampjonat u l-UEFA. Għax jekk nagħmluh aħna u l-kampjonati l-oħra le, allura ma jagħmilx sens. Nittama li tista’ ssir kemm jista’ jkun malajr.
“Għalissa, għandna r-regola l-ġdida wara l-2024 li tista’ tonfoq sa 70% tad-dħul tiegħek għas-salarji u t-trasferimenti, iżda dan mhux biżżejjed għax jekk id-dħul tiegħek huwa ta’ ħames biljun, 70% huwa pjuttost kbir.
“Mela dan huwa l-futur hawn, u ma nibżax li s-sidien tal-clubs ikunu qawwija wisq jew xejn. Il-UEFA qed tmexxi l-kompetizzjoni Ewropea u issa għandna relazzjonijiet kbar mal-European Club Association.”
Ceferin reġa’ ġie elett bħala President tal-UEFA dan ix-xahar mingħajr oppożizzjoni għat-tielet mandat, u se jibqa’ fir-rwol sal-2027.
Ma’ Men In Blazers huwa ddiskuta wkoll il-prospett tal-finali taċ-Champions League li ssir fl-Istati Uniti.
Ceferin ma eskludiex possibbiltà bħal din iżda stqarr li ma kienx se jkun sa mill-inqas l-2026.
“Bdejna niddiskutu dan, iżda sena l-oħra kienet it-Tazza tad-Dinja, l-2024 hija l-Euro, din is-sena l-finali se ssir f’Istanbul, l-2024 se ssir f’Londra u fl-2025 se ssir fi Munich u wara, imbagħad naraw. Huwa possibbli,” huwa qal.