Minn Cristian Muscat
Birkirkara FC ħabbru b’mod uffiċjali li ntlaħaq ftehim biex id-difensur Taljan Alessandro Coppola jerġa’ jilbes il-flokk tal-Istripes. Il-klabb ikkonferma li l-ftehim sar ma’ FC Arzignano Valchiampo għat-trasferiment permanenti tal-plejer. Ritorn li jasal f’mument delikat għall-klabb, iżda li fl-istess ħin iġib miegħu tama, esperjenza u sens qawwi ta’ appartenenza lejn il-kuluri sofor u ħomor tal-klabb.
Imwieled f’Turin fit-13 ta’ Marzu 2000, Coppola għandu 25 sena, huwa twil 2.02 metri u jilgħab bħala difensur ċentrali. Karatteristiċi fiżiċi li, flimkien mal-esperjenza tiegħu, għamluh figura importanti f’diversi kampjonati Ewropej, inkluż dak Malti. Għal Birkirkara, ismu mhuwiex wieħed ġdid: Coppola kien diġà parti mill-iskwadra fl-istaġuni preċedenti, fejn għen lill-klabb jasal sal-Top Four tal-Premier League u sal-finali tal-FA Trophy,
“Wara tliet snin ħallejt biċċa minn qalbi hawn,” stqarr Coppola meta tkellem dwar ir-ritorn tiegħu f’intervista esklussiva li ta lil din il-gazzetta. “Birkirkara mhux biss tim għalija, iżda familja sabiħa. Għandi rispett kbir lejn il-President, il-Viċi President u lejn in-nies kollha li jaħdmu fil-klabb, iżda fuq kollox lejn il-partitarji li dejjem tawni appoġġ inkredibbli.”
Wara li temm l-aħħar staġun tiegħu ma’ Birkirkara, Coppola kien iddeċieda li jerġa’ jmur jilgħab fl-Italja, fejn ingħaqad ma’ Arzignano Valchiampo fit-tielet kategorija tal-futbol Taljan. Esperjenza li, minkejja li kienet relattivament qasira, kienet waħda importanti għall-iżvilupp tiegħu bħala plejer u bħala persuna.
“Kienet esperjenza sabiħa ħafna fis-Serie C,” qal. “Għalkemm damet biss sitt xhur, tgħallimt ħafna, kemm fuq il-livell tattiku kif ukoll fuq dak mentali. Il-futbol Taljan huwa eżiġenti ħafna, b’intensità għolja u pressjoni kontinwa.”
Madankollu, il-ħajja barra mill-grawnd kellha rwol kruċjali fid-deċiżjoni tiegħu li jerġa’ lura Malta. “Għal raġunijiet familjari u personali ddeċidejt li nerġa’ lura,” spjega. “Ma kinitx deċiżjoni faċli, iżda kultant trid tisma’ l-qalb tiegħek.”
Ir-ritorn ta’ Coppola jsir fi żmien fejn Birkirkara qed tgħaddi minn perjodu diffiċli fil-Premier League Malti. Riżultati li ma kinux dawk mixtieqa u klassifika li ma tirriflettix l-ambizzjoni storika tal-klabb. Minkejja dan, id-difensur Taljan jemmen bis-sħiħ li l-istaġun għadu jista’ jdur f’direzzjoni pożittiva.
“Il-klabb bħalissa mhux għaddej minn perjodu tajjeb, dan huwa ċar,” qal b’mod onest.
“Imma aħna konxji minn x’irridu nagħmlu fit-tieni parti tal-istaġun. L-għan hu li nippruvaw nagħmlu l-istess affarijiet tajbin tas-sena li għaddiet, u anke aħjar.”
Skont Coppola, iċ-ċavetta ta’ dan kollu se tkun l-attitudni. “Jeħtieġ aktar impenn, personalità u konċentrazzjoni f’kull partita. Il-kwalità hemm, issa rridu nuruha b’mod konsistenti.”
Coppola se jerġa’ jaħdem taħt il-gwida ta’ Gianluca Festa, kowċ li jaf sew u li jemmen fil-kapaċitajiet tiegħu. Il-fatt li rritorna f’ambjent familjari jista’ jgħinu jadatta mill-ewwel u jagħti l-kontribut tiegħu kemm jista’ jkun malajr.
“Il-president Michael Valenzia qed jagħmel minn kollox biex dan il-proġett ikun wieħed memorabbli,” sostna Coppola. “Dan jagħtina motivazzjoni akbar bħala plejers, għax meta tara tmexxija li temmen fik, trid tirrispondi fuq il-grawnd.”
Mistoqsi dwar kif jara l-livell tal-futbol Malti meta mqabbel ma’ dak Taljan, Coppola kien bilanċjat fl-analiżi tiegħu. “Tista’ tqabbel il-futbol Malti mas-Serie C? F’ċerti aspetti iva, f’oħrajn le,” qal. “Huma żewġ realtajiet differenti.”
Madankollu, hu jemmen li Malta qed timxi ’l quddiem. “Pass pass il-livell qed jogħla. Hemm aktar professjonalità, aktar organizzazzjoni u plejers barranin li qed iġibu kwalità.
Dan huwa pożittiv għall-kampjonat kollu għax joħloq livell ta’ logħob mill-aqwa u logħbiet li kollha qishom finali.”
Fl-aħħar tal-intervista, Coppola ried jibgħat messaġġ speċjali lill-partitarji ta’ Birkirkara. “Nemmen ħafna fl-appoġġ tagħkom,” qal. “Nitolbokom temmnu u sostnuna sal-aħħar sekonda, anke meta l-affarijiet ikunu diffiċli. Aħna se nagħtu kollox għal dan il-flokk.”
Minbarra l-valur emozzjonali tar-ritorn tiegħu, Alessandro Coppola joffri wkoll profil tekniku u tattiku li jista’ jkun kruċjali għal Birkirkara fit-tieni parti tal-istaġun. Bil-fiżiku imponenti tiegħu, hu difensur b’saħħtu fid-dwelli fl-ajru u effettiv ħafna fil-logħob fuq blalen wieqfa, kemm fid-difiża kif ukoll fl-attakk.
L-esperjenza tiegħu f’kampjonati differenti tagħtih maturità u qari tajjeb tal-logħba, filwaqt li l-kapaċità tiegħu li jmexxi d-difiża tagħmlu figura naturali ta’ tmexxija fil-grawnd. F’perjodu fejn Birkirkara teħtieġ stabbiltà u sigurtà difensiva, Coppola jista’ jkun wieħed mill-pilastri ewlenin tal-iskwadra.
Ir-ritorn ta’ Alessandro Coppola mhuwiex biss trasferiment ieħor, iżda dikjarazzjoni ta’ intenzjoni. Għal Birkirkara, ifisser ritorn ta’ plejer li jaf x’jirrappreżenta l-klabb u li diġà wera li jista’ jagħmel differenza. Għal Coppola, huwa kapitlu ġdid fi storja li, skont kliemu stess, qatt ma nqatgħet tassew. Fi staġun li qed jitlob karattru u reazzjoni, dan ir-ritorn jista’ jkun il-pedament għall-bidu ġdid.




