Id-Deputat Mexxej u MPE Laburista Alex Agius Saliba inħatar co-chair ta’ Intergroup dwar id-diżabilità f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi. L-Intergroup ġie stabbilit ix-xahar li għadda u nhar l-Erbgħa li ġej se ssir l-ewwel laqgħa tal-bord tat-tmexxija sabiex jiġu stabbiliti l-aġenda u t-termini tal-Bord.
L-Intergroup huma gruppi nformali ffurmati minn Membri tal-Parlament Ewropew minn grupp politiċi differenti b’interess komuni f’tema speċifika. Dawn iservu sabiex jintlaħaq qbil fuq pożizzjonijiet komuni bejn il-gruppi politiċi u b’hekk jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta’ leġislazzjoni li ttejjeb il-kawża. Agius Saliba ilu jieħu nteress f’materji relatati ma’ persuni b’diżabilità mindu ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew sitt snin ilu u mexxa ‘l quddiem diversi miżuri f’dan il-qasam. Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista kkummenta dwar din il-kariga, “Huwa unur kbir li ġejt appuntat sabiex nirrappreżenta l-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fl-Intergroup dwar id-diżabilità. Il-promozzjoni tad-drittijiet u n-neċessitajiet ta’ persuni vulnerabbli hija parti fundamentali mill-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew. Leġislazzjoni Ewropea aħjar tista’ tagħmel mirakli sabiex tneħħi l-ostakli li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum persuni b’diżabilità u b’hekk ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.”
L-Intergroup se jinsisti li d-drittijiet fundmentali kollha jitgawdew b’mod sħiħ u ekwu minn persuni li jbatu minn xi diżabilità hekk kif stabbilit fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. Ix-xogħol tiegħu se jkopri diversi aspetti ta’ leġislazzjoni li jimpattaw il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità.
Tema importanti li se tiġi diskussa fl-Intergroup hija l-ostakli li jiltaqgħu magħhom persuni b’diżabilità meta jiġu biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Fl-Unjoni Ewropea, huma biss 50.9% tal-irġiel u 45.9% tan-nisa li jsofru minn diżabilità li għandhom xi forma ta’ mpjieg, u bosta huma mpjegati fuq bażi part-time. Persuni b’diżabilità li ma jirnexxilhomx jispiċċaw l-edukazzjoni obbligatorja huma d-doppju ta’ dawk li ma jsofru minn ebda diżabilità. L-Intergroup jista jwassal għal kunsens sabiex jitnedew inizjattivi li jindirizzaw dawn id-differenzi. L-inizjattivi jinkludu aġġornamenti fl-Istrateġija dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, kunsiderazzjonijiet aħjar għall-persuni b’diżabilità fid-Direttiva dwar l-Apprendistat u t-twaqqif ta’ garanzija dwar l-Impjieg u t-Taħriġ ta’ Persuni b’Diżabilità fuq binarji simili għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li kienet ta’ suċċess kbir. Titjib fir-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà u fix-xibka ta’ servizzi soċjali jipprovdu garanziji li jinċentivaw persuni b’diżabilità sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. L-Intergroup jista’ jservi wkoll sabiex jinkiseb qbil fuq il-ħtieġa għal baġit aħjar għal inizjattivi li jtejbu l-qagħda ta’ persuni b’diżabilità, inkluż permezz tal-Fond Soċjali Ewropew.
L-MPE Laburista ikkonkluda billi rrimarka dwar l-importanza li Malta tkun rappreżentata f’dan il-qasam. “Il-Gvern Laburista Malti wettaq ħafna iktar minn dak mistenni permezz ta’ direttivi Ewropej u nieda strateġija nazzjonali dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilita li tinkludi komunikazzjoni diretta mas-soċjetà u tagħti vuċi lil dawn il-persuni. Minkejja dan, diversi ostakli u nuqqasijiet jistgħu jiġu megħluba biss b’azzjoni fuq livell Ewropew. Bosta qed isofru għal xejn b’xejn fis-silenzju ta’ darhom. Dan ir-rwol se jagħtini opportunità sabiex inwassal id-diffikultajiet tagħhom fl-ogħla livelli fl-istituzzjonijiet Ewropej. Se niżgura li ħtiġijiet speċifiċi ta’ persuni b’diżabilità Maltin jingħataw prijorità u kunsiderazzjoni xierqa f’fora Ewropej.”