Is-sit eumatrix.eu li huwa s-sit uffiċjali li jiġbor l-istatistika kollha dwar l-influwenza politika tad-deputati Ewropej iklassifika lill-MEP Malti Alex Agius Saliba bħala l-35 l-aktar MEP influwenti fil-Parlament Ewropew fit-Top 100 Most Politically Influential MEPs 2023. Agius Saliba ġie rikonoxxut għal ħidma tiegħu fil-qasam diġitali u dak soċjali filwaqt li kompla jkabbar l-influwenza tiegħu bħala Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u Viċi President tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew.
L-MEP Malti jklassifika wkoll bħala t-8 l-aktar MEP influwenti milll-MEPs kollha tal-Grupp tas-Soċjalisti kif wkoll bħala wieħed mill-aktar 10 MEPs influwenti fil-qasam diġitali fuq livell Ewropew.
Fl-ewwel kummenti tiegħu id-deputat Laburista Malti stqarr is-sodisfazzjon tieghu li f’erba’ snin biss li ilu jokkupa l-kariga ta’ MEP irnexxielu jiddistingwi ruħu fost l-aktar MEPs politikament influwenti fil-Parlament Ewropew.
Huwa saħaq wkoll li dan ir-riżultat pożittiv ikompli jimlieħ b’aktar kuraġġ sabiex ikompli jaħdem favur l-aqwa interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollhu fuq livell Ewropew.
EUMatrix stqarr li l-MEPs Maltin għalkemm ġejjin mill-iżgħar stat membru qed iħallu mpatt pożittiv ħafna fuq l-influwenza politika fuq livell Ewropew hekk kif Malta għandha żewg MEPs li huma parti minn din il-lista tal-aktar 100 MEP influwenti – Alex Agius Saliba bħala Viċi President tal-Grupp tas-Soċjalisti u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.