Matul il-ġimgħa li għadha kif għaddiet, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista irċeviet ir-rapport ta’ verifika imħejji mill-Kummissjoni Kandidati. Tħabbar li kemm Alex Borg u anke Adrian Delia, iż-żewġ kandidati li ddikjaraw l-interess tagħhom f’din il-kariga, jissodisfaw il-kriterji tal-verifika. Il-votazzjoni għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista se ssir is-Sibt 6 ta’ Settembru 2025 fost it-tesserati tal-PN.
IT-TORĊA intervistat liż-żewġ kandidati matul il-ġimgħa li għaddiet u għamilnielhom prattikament l-istess mistoqsijiet. Alex Borg fost affarijiet oħra iddikjara li s-sussidji fuq il-kontijiet għad-dawl mhumiex għal dejjem u li hu se jħabbar proposti ġodda dwar kif il-kontijiet jistgħu jibqgħu baxxi.
Minn naħa tiegħu Adrian Delia dwar is-sussidji għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma iddikjara bla tlaqlieq li “għandek l-Unjoni Ewropea li qed tagħmel pressjoni u eventwalment il-gvern se jkolli jċedi. Għax jekk inti tkun qed tikser jew taqbeż il-limiti tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea din tieħu passi kontrik”.