Il-Partit Laburista jinnota b’diżappunt u b’għaġeb kif il-Kap tal-Oppożizzjoni, Alex Borg, għal darb’oħra pprova jlibbes wiċċ differenti skont ma’ min ikun qed jindirizza. Din id-darba għamel dan waqt konferenza ta’ min iħaddem, u b’hekk ikkonferma dak li l-Maltin u l-Għawdxin ilhom jaraw: Alex Borg jgħid dak li jkun jaqbel fil-mument biex jogħġob lil min ikun quddiemu, mhux skont prinċipji jew soluzzjonijiet serji.
Għax kien qed jitkellem quddiem min iħaddem u wara li qala’ kritika minn diversi korpi, Borg qal li proposta bħall-4 day week “ma tistax tkun għal kulħadd” u li għandha tkun marbuta mal-“produttività”. B’din l-istqarrija, Borg effettivament qed jeskludi ammont sostanzjali ta’ ħaddiema li x-xogħol tagħhom huwa marbut mal-ħin u mas-servizz, bħas-setturi essenzjali u dawk li jżommu lill-pajjiż miexi ta’ kuljum. F’dawn is-setturi, il-produttività mhix dejjem xi ħaġa li tista’ titkejjel b’mod sempliċi bħal f’xogħlijiet oħra.
Il-Partit Laburista jfakkar li proprju f’dawk il-postijiet tax-xogħol l-aktar marbuta mal-produttività, ħafna drabi diġà jeżistu sistemi ta’ flessibbiltà u arranġamenti moderni. Għalhekk, l-argument ta’ Borg mhux biss hu superfiċjali, iżda juri nuqqas ta’ fehim reali ta’ kif jaħdmu s-swieq u s-setturi differenti, u kif politika serja trid tkun inklużiva u mfassla b’mod ġust mhux selettiva skont min ikun komdu għalih.
Aktar minn hekk, Borg issa qed jgħid li m’għandniex inħarsu lejn x’għamlu pajjiżi oħra għax “mhux bilfors jgħodd għalina”, u saħansitra pprova jbeżża’ lin-nies b’retorika ta’ “diżastru ekonomiku”. Dan huwa l-oppost ta’ dak li kien jgħid qabel, meta kien jipprova jpinġi ruħu bħala favur miżuri moderni u progressivi. Illum, skont il-konvenjenza tal-mument, qal bil-maqlub.
Il-Partit Laburista jemmen li diskussjoni dwar il-ħin tax-xogħol u bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja trid issir b’serjetà, b’evidenza u bi djalogu mal-imsieħba soċjali mhux bi slogans li jinbidlu skont jekk tkunx quddiem ħaddiema jew quddiem min iħaddem. Hekk għamel il-Partit Laburista fil-Gvern meta żied il-minimum wage, daħħal il-parental leave, il-kontribuzzjoni tal-maternity leave u diversi miżuri oħra.
Il-PL jfakkar lill-PN li n-nies qed jaraw wara l-faċċata u qed jifhmu li l-Oppożizzjoni llum għandha persuna li tipprova togħġob lil kulħadd, sakemm ma jkollhiex bżonn tiddeċiedi għal xiex tassew temmen.
Il-Partit Laburista jibqa’ kommess li jmexxi d-dibattitu b’responsabbiltà u b’viżjoni, dejjem favur il-ħaddiem u l-familji, biex Malta tibqa’ timxi ’l quddiem b’ekonomija b’saħħitha u bi kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.

