Il-Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, filwaqt li qal li għadda ż-żmien tal-aħmar u tal-blu imma sar żmien tal-abjad jew iswed, semma’ kif ftit tax-xhur oħra jista’ jkollna elezzjoni ġenerali bikrija. Għal darb’oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jara li jsir il-Prim Ministru tal-futur għax “aħna kapaċi nirbħu u nirbħu mhux għall-PN imma għal Malta u Għawdex”.
Borg, li ma naqax li jattakka lill-Partit Laburista fil-Gvern, qal li din l-elezzjoni se ssir qabel żmienha għax huwa l-Gvern li qiegħed jiddistabbilizza l-pajjiż u mhux il-bidliet kontinwi fil-PN. Waqt li kien qiegħed jitkellem f’Għajnsielem Għawdex fl-ewwel attività tiegħu, Alex Borg allega li l-Gvern se jħabbarha “għas-siġġu tal-poter, għax il-biża’ li għandhom hija dik li jsibu Partit Nazzjonalista magħqud u b’saħħtu”.
Il-Kap ġdid tal-PN ippuntwalizza li l-karriera politika tiegħu bdiet minn Għawdex u l-għan tiegħu huwa li jibqgħu jikkonsolidaw proprju lill-gżira ta’ Għawdex. Fil-fatt, barra li semma’ li se jirristruttura l-PN bi rwoli ġodda ħalli jkunu aktar effettivi; il-ftuħ tal-każini kollha biex jikkummerċjalizzawhom; Kap Eżekuttiv biex jindirizza l-kriżi finanzjarja kbira fil-PN; u crowd funding apposta għall-elezzjoni ġenerali, ħabbar il-Gozo Policy Forum.
Din l-inizjattiva ġdida għal Għawdex Borg qal li hija l-ewwel waħda fl-istorja tal-PN fejn se jaraw li l-proposti tagħhom ikunu mill-Għawdxin għall-Għawdxin. Aċċenna li, “flimkien nibnu viżjoni b’saħħitha għall-gżira Għawdxija… Irridu nibnu l-gżira Għawdxija biex inkunu verament partit tan-nies”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni insista li din il-ġimgħa inbeda kapitlu ġdid għall-PN u għal Malta t’għada. Irribatta li t-tesserati mhux biss eleġew Kap tal-Oppożizzjoni imma l-Prim Ministru futur ta’ Malta u Għawdex. Hawn huwa semma’ kif fl-ewwel laqgħa li kellu fl-uffiċċju tal-Kap kienet proprju ma’ Adrian Delia, li kien il-kontestant l-ieħor għal dan ir-rwol.
Ippreċiża li għamel dan għax hekk wiegħed, “li jekk inkun kap se nsaħħaħ l-għaqda u l-wegħda żammejtha għax fl-għaqda hemm is-saħħa u fl-għaqda nġibu r-rebħa”.
Alex Borg barra li qiegħed iħeġġeġ għall-għaqda fil-PN qiegħed jagħmel minn kollox biex jiġbed l-elettorat lejh bl-insistenza li, “dan huwa kapitlu ġdid tal-PN u dan li se nġibu għall-pajjiż”. Tenna li l-poplu qiegħed jistenna dan “mela ejja nagħtuh dak li jrid – Partit inklussiv u nibdew noħorġu l-id tal-ħbiberija”.