Saturday, December 21, 2024

Alex Borg jgħid li l-budget ma tax prijorità lil Għawdex

Aqra wkoll

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Alex Borg qal li d-diskors tiegħu huwa mnebbaħ minn dawk li għandhom verament għal qalbhom lil Għawdex u dawk li fl-aħħar ġimgħat wasslulu l-ilmenti tagħhom u xtaquh li jsemmiehom fil-Parlament.

Fi kliemu dawk li tkellmu miegħu kienu kollha waħda li Għawdex għal dan il-Gvern mhu xejn ħlief “afterthought”, li jridu Ministeru għal Għawdex li vera jaħdem għalihom. “Iridu tama u pjan fejn sejjer Għawdex tagħna… li hu żgur li Għawdex jixraqlu aħjar.”

Dwar il-budget allokat għal Għawdex, l-Onor. Borg qal li dan il-budget jippreżenta tnaqqis kbir għall-gżira Għawdxija. Saħaq li l-viżjoni għal Għawdex trid tkun waħda sostenibbli li tiżgura li nħarsu lejn 30 sena oħra bi pjan soċjali u ekonomiku b’saħħtu.

Huwa żied jgħid li Kemmuna qed tibqa’ tintuża biss għar-riklamar filwaqt li l-budget jinjora wkoll il-faċilitajiet għall-bugħaddasa fejn hemm bżonn ta’ aktar aċċess, faċitalitajiet bażiċi u l-introduzzjoni ta’ diving school li tilħaq standards internazzjonali.

L-Onor. Borg qal li l-proġett tal-Airstrip ma jidhirx fil-budget b’serjetà għax skontu l-fondi naqsu. Huwa kompla jisħaq li Għawdex għandu bżonn pjan ġdid li jinkludi reviżjoni fil-pjanijiet lokali magħmul u studjat flimkien ma’ pjan soċjali ġdid.

Filwaqt li rrikonoxxa li inizjattiva bħal dik tal-fast ferry kienet waħda tajba, l-Onor. Borg qal li min-naħa l-oħra huwa inaċċettabli l-BUS X300 mix-xatt tal-Belt għall-Università ma titfaċċax jew tiġi tard.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex qal li Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jibqa’ jinvesti f’industriji bħalma huma dawk tal-films, billi jkomplu jinvestu u jagħtuhom l-appoġġ meħtieġ. Qal ukoll li sal-lum ma nafux jekk il-Gvern għandux ir-rieda tajba u politika biex iġib l-€400 miljun lura. Sostna li din hija t-tielet darba li Gvern Labruista qiegħed iweigħed sptar ġdid għal Għawdex u t-tielet darba mhix tawgura tajjeb.

“F’dan il-budget, Għawdex issema 23 darba b’mod passiv, ftit u xejn b’mod speċifiku. L-argument li joħroġ fiċ-ċar hu li dan il-Gvern ma jimpurtahx minn Għawdex,” temm jgħid l-Onor. Borg.

Ekonomija

Sport