Monday, November 3, 2025

Alex Borg jistaqsi x’rebaħ il-Gvern bid-deċiżjoni tat-Tribunal Internazzjonali

Aqra wkoll

Fil-bidu tar-replika tiegħu għall-Budget 2026, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg irrefera għad-deċiżjoni tal-Arbitraġġ Internazzjonali tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ u qal li minkejja li l-Gvern ħareġ jgħajjat vittorja, skont hu l-Gvern ma ġab ebda sold lura mill-kuntratt ta’ Vitals u Steward. Dan minkejja li t-Tribunal Internazzjonali kkonkluda li l-konċessjonarju ta b’aktar servizzi milli ġew imħallsa u meta wieħed iqis ukoll spejjeż li għandu jirrifondi Steward Healthcare favur l-Istat Malti, id-differenza dovuta għall-kumpanija hija ta’ ftit aktar minn erba’ miljun u nofs ewro.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li jesiġi li l-Gvern huwa obbligat li jgħid x’talbiet għamel fit-Tribunal Internazzjonali u xi provi ressaq f’dan it-tribunal. Insista li l-Oppożizzjoni se tibqa’ fuq in-naħa tal-poplu u jaraw li l-flus tal-poplu jiġu lura sal-aħħar ċenteżmu.

Dwar il-Budget 2026, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ma rajna ebda miżura konkreta biex jinħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda li jistgħu jtejbu l-kwalità tal-pagi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u fuq kollox il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi. Stqarr li huma mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni qed jagħtu widen għal diversi realtajiet u sfidi li qed jaffaċċja poplu hemm barra.

Dwar iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, Dr Borg qal “tal-inqas nistgħu naqblu dwar din il-ħaġa li din ma tkunx taxxabbli?”. Fl-istess ħin baqa’ jikkritika li din iż-żieda mhux biżżejjed biex wieħed jgħix komdu. 

Qal li l-Gvern għandu jgħolli d-dħul tan-nies iżda fl-istess ħin għandu jagħti garanzija li l-ħaddiema jgawdu lill-familja. Stqarr li b’ekonomija bħal din qed iħajjar lin-nies biex jaħdmu aktar, iżda hu jrid li l-ħaddiem ikun jista’ jgawdi l-familja filwaqt li qal hu jrid li l-familji jkollhom iċ-ċans li jsiefru darba fis-sena u anke joħorġu jieklu darba fil-ġimgħa f’ristorant.

Irrefera wkoll għal dik li qiegħed isejħilha “żieda li ħadu l-Ministri” li skont Dr Borg ħadu 33 ewro fil-ġimgħa. 

Dwar il-pensjonanti, Dr Borg qal li dawn ma ħadux biżżejjed. Qal li mhux minnu li dawn ħadu għaxar ewro fil-ġimgħa hekk kif nofshom kienu parti mill-għoli tal-ħajja.

Dr Borg qal li skont studju tal-EY li Malta tibqa’ tattira aktar investiment hija minħabba s-sistema tat-taxxa… “u dan grazzi għall-Gvern Nazzjonalista li kien biddel is-sistema tat-taxxa.” Imbagħad qal li l-istess l-istħarriġ ħareġ li Gvern Laburista ma nvestiex fl-edukazzjoni biex il-poplu jkabbar il-ħiliet tiegħu.

Irrikonoxxa wkoll li l-budget fih ħafna miżuri tajbin bħal dawk li jgħin lill-familji bit-tfal. Qal li “t-tajjeb trid tgħidlu tajjeb iżda l-PN ried jagħti aktar minn hekk.”

Dwar is-saħħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-poplu jistħoqqlu sistema ta’ saħħa li taħdem. Huwa iżda qal li dan kien “budget xħiħ mas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.”

Dwar Għawdex, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din il-gżira m’għadhiex li kienet. “Illum għandna gżira kaotika fi stat ta’ telqa ġenerali frott in-nuqqas ta’ viżjoni u kompetenza kif jixraq,” qal Dr Borg. 

Dwar it-traffiku huwa qal li l-Oppożizzjoni lesta tikkontribwixxi biex “flimkien nagħmlu pjan għal trasport tal-massa f’pajjiżna.” Huwa tenna jgħid ukoll li l-Malti qed jgħix f’mudell ekonomiku li jagħmilhielu diffiċli biex isir sid ta’ daru.

Dr Borg tkellem ukoll dwar id-delizzji u qal li l-PN kien, għadu u jibqa’ favur id-delizzji. Staqsa wkoll x’sar minnha t-trakka tal-karozzi u għalfejn il-Gvern “nesa lis-sajjieda.”

Huwa qal ukoll li l-PN “għandu ħafna proposti” u semma fost oħrajn il-ħolqien ta’ “child trust fund” li fih il-Gvern jiddepożita €5,000 għal kull wild ġdid. Madanakollu ma semmiex kemm se jiġu jiswew dawn il-miżuri li għamel referenza għalihom lejn l-aħħar tad-diskors tiegħu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni temm jgħid li dan kien budget li ħalla ħafna mill-poplu lura, f’ħafna drabi “nesa kompletament ruxmata ta’ realtajiet li qed jgħixu n-nies, realtajiet tan-nies li qed niltaqa’ magħhom ġurnata wara oħra.” 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport