Sunday, February 1, 2026

Alex Borg lil min qed jipprova jikkonvinċi li lest biex ikun Prim Ministru?

Tikteb Ramona Attard

Aqra wkoll

Bħal oħrajn din il-ġimgħa segwejt l-intervista li kellu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ma’ Jon Mallia fuq il-programm tiegħu “Il-Każin”. 

Mill-mod ta’ kemm għamel pompa  bir-riklamar ta’ qabel il-programm kelli li l-idea li Alex Borg mar preparat sew u kien ser jagħti prestazzjoni tajba ma intervistatur iebes – quddiem udjenza konsiderevoli. Jien naf sew għax fuq il-Kazin mort darbtejn, hu programm li trid tmur wara li tipprepara sew għalih. Trid tmur jekk, tkun persważ mill-argumenti u prinċipji tieġhek.

Izda dak li seħħ waqt l-intervista’ kien dijamitrikament oppost mill-aspettattiva li nbniet qabel il-programm.

L-intervista’ kienet diżappuntanti għal kull min jemmen dwar l-importanza tal-kariga kostituzzjonali important li għandu Kap tal-Oppożizzjoni .

Smajt ħafna nies li kienu mweġgħin u imħassbin kif persuna f’waħda mill-ogħla karigi tal-pajjiż jista’ ma jkunx daqstant preparat hekk kif tul id-diskussjoni Borg deher kemm il-darba mhux ippreparat fuq diversi suġġetti importanti. F’ħafna mumenti, anke membri tal-udjenza bdew juru b’mod istintiv u naturali it-tħassib tagħhom għal dak li kien qiegħed jgħid. Mistoqsijiet diretti dwar problemi li jolqtu lill-poplu, bħat-trasport u s-sitwazzjoni tal-ħaddiema barranin, baqgħu mingħajr tweġibiet li jfissru xi ħaġa tanġibbli. Minflok soluzzjonijiet ċari, Borg baqa’ jirrepeti frażijiet ġenerali Ii jappunta “bordijiet” u “esperti”, bħallikieku dawn huma soluzzjoni għal kollox. Imkien Borg ma fisser x’inhi l-viżjoni tiegħu għal imqar waħda minn dawn l-isfidi.

Il-mistoqsija tigi waħidha ,meta Alex Borg qed jirrepeti kemm -il darba li jinsab lest biex ikun Prim MInistru anke jekk l-elezzjoni tiġi issa, lil min qed jipprova jikkonvinci lil Maltin u L-Għawdxin kollha, lin-Nazzjonalisti jew lilu nnifsu?Din l-imġieba tikkontrasta maz-zmien meta il-Partit Laburista kien fl-Oppozizzjoni  qabel l-2013 u prezenta proposta elettorali dwar it-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma studjata u b’timelines speċifiċi dwar it-twettiq tagħha.

IL-Maltin u l-Għawdxin huma poplu intelliġenti, dejjem jagħżlu proposti studjati, stabilita’ u direzzjoni tal-pajjiz li hija waħda ċarra u jwarrbu kliem fieragħ li ma jfisser xejn.

Mexxej irid ikollu dawn il-kwalitajiet. Robert Abela mhux biss jitkellem imma bil-fatti uriena li anke fl-aktar mumenti diffiċli mexxa lill-pajjiżna f’direzzjoni tajba tant li l-ekonomija baqgħet il-pilastru ewlieni li sostniet il-familji u negozji.

Mexxej irid ikollu l-kapacita’ li fejn jiżbalja jammetti li l-affarijiet setgħu saru aħjar. 

B’differenza Alex Borg baqa’ jinsulta l-intelliġenza mhux biss tal-preżentatur imma tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Qal li hu qatt ma tkellem kontra il-mediċini generiċi, meta kulħadd semgħu jitkellem kontrihom 

Qal li hu qatt m’appoġġja bini ta’ torrijiet f’Għawdex, meta il-verità hi bil-kontra, kif ikkonfrontat mil-preżentatur stess.

Alex Borg però meta baqa’ jinnegga s-sewwa magħruf, tilef l-aktar ħaġa essenzjali. Ħadd ma jistenna li mexxej politiku ikun perfett, ħadd ma jistenna li mexxej politiku ma jagħmilx żbalji. Li nistennew hu  li meta  xi ħadd jagħmel żball, jammetti , jispjega b’mod seren, u jaġixxi

Din l-imġiba turi nuqqas ta’ umiltà: kwalità essenzjali għal kull mexxej li jixtieq ikun kredibbli u rispettat. 

Din l-intervista ma wrietx biss in-nuqqasijiet ta’ Alex Borg bħala mexxej, iżda wkoll kemm il-Partit Nazzjonalista, Kap wara l-ieħor mhuwiex qed jirnexxilu ikun viċin in-nies, mhux qed jirnexxielu jispira u mhux qed jirnexxielu jikkonvinċi

Is-sitwazzjoni barra minn Malta mhijiex waħa feliċi. Qed naraw madwarna instbalitajiet, gwerrer li għadhom għaddejjin u  dikjarazzjonijiet internazzjonali li jinkwetaw lil kulħadd li jista’ jkollna aktar instabbilità fi żmien qarib.

F’dan il-mumenti il-familji iridu garanzija u serħan il-moħħ li l-futur tagħhom huwa wieħed sabiħ, iridu Mexxej li jaġixxi ta’ missier ta’ familja u jagħżel dak li hu tajjeb għalina. Iridu Mexxej li mhux jinħela u jikkonvinċi lilu nnifsu li  lest biex ikun Prim MInistru.

Iridu Mexxej Politiku li b’deċiżjoni wara l-oħra u mhux bil-kliem juri li kien lest biex ikun Prim MInistru.

Dan kollu urieh Robert Abela meta fi ftit ġimgħat wara li sar Prim Ministru mexxa l-pajjiż waqt il-pandemija tal-COVID u jkompli jagħmilha ta’ kull jum b’kull deċiżjoni li jieħu għal kull sfida li jaffaċċja pajjiżna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport