Minn Cristian Muscat
Alex De Raffaele huwa wieħed mill-aktar referees Maltin tal-waterpolo rispettati fuq livell internazzjonali, u dan ġie kkonfermat għal darb’oħra bl-appointment tiegħu fil-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo li saru f’Belgrad fis-Serbja.
F’dan il-kampjonat prestiġjuż, li ntemm bir-rebħa tas-Serbja quddiem il-pubbliku tagħha stess, De Raffaele kien l-uniku referee Malti preżenti, fatt li jkompli jsaħħaħ il-prestiġju ta’ Malta fil-qasam tal-waterpolo Ewropew.
Membru fit-tul tal-Malta Waterpolo Referees Association (MWRA), De Raffaele ilu għal snin twal jirrappreżenta lill-Aquatic Sports Association of Malta (ASA) fuq il-palk Ewropew u internazzjonali. Fl-aħħar staġuni, huwa kien attiv f’kompetizzjonijiet ta’ livell għoli taħt European Aquatics, inklużi kampjonati, kwalifikazzjonijiet u finali importanti.
L-esperjenza tiegħu f’Belgrad kienet waħda li se tibqa’ mmarkata fil-karriera tiegħu.
“Esperjenza indimentikabbli, livell għoli ħafna,” jiddeskrivi De Raffaele f’intervista li tana. “Kien kampjonat mimli timijiet u plejers ta’ klassi internazzjonali, fejn kull partita kienet sfida kbira.” Huwa rreffja tliet logħbiet f’dan it-turnament, fosthom l-ewwel logħba tiegħu bejn il-Kroazja u s-Slovenja, żewġ nazzjonijiet bi storja qawwija fil-waterpolo Ewropew. Segwew ukoll il-partiti Greċja kontra s-Slovenja, kif ukoll logħbiet oħra li hu jiddeskrivihom bħala ta’ livell tekniku u taktiku eċċellenti.
Meta mistoqsi dwar l-aqwa partita li rreffja, De Raffaele ma jaħsibhiex darbtejn. “Għalija, l-aqwa logħba tat-turnament kienet l-Italja kontra Georgia,” jgħid. “Imma wkoll Olanda kontra t-Turkija kienet partita interessanti ħafna.” Dawn il-logħbiet mhux biss jitfgħu pressjoni kbira fuq ir-referee, imma jitolbu konċentrazzjoni assoluta u deċiżjonijiet fi ftit sekondi.
Il-preżenza tiegħu f’Belgrad hija biss l-aħħar kapitlu f’karriera li tmur lura kważi għoxrin sena. Wieħed mill-mumenti storici għal De Raffaele kien fl-2010, meta sar wieħed mill-ewwel żewġ referees Maltin appuntati biex jikkontrollaw logħbiet fil-Kampjonat Taljan Serie A2. Dak il-pass fetaħ bibien ġodda mhux biss għalih, imma wkoll għal referees Maltin oħra li ġew warajh.
Matul is-snin, huwa ħa sehem f’diversi kompetizzjonijiet prestiġjużi, fosthom il-Women’s Champions Cup, tournaments internazzjonali bħal Porto Tournament, kif ukoll diversi rounds ta’ kwalifikazzjoni Ewropej kemm fil-kategorija tal-irġiel kif ukoll tan-nisa. Illum huwa referee ċċertifikat minn LEN/European Aquatics, inkluż fil-kategorija C fil-waterpolo tan-nisa, u huwa meqjus bħala uffiċjal affidabbli f’logħbiet ta’ livell għoli.
Skont De Raffaele, il-progress tiegħu f’dawn l-aħħar snin ma ġiex waħdu. “Għamilt livelli kbar ’il quddiem. Qed nirreffja anke l-aqwa finali, imma dan ġie wara ħafna xogħol,” jistqarr. “L-aħħar erba’ jew ħames snin ħdimt ħafna fuq il-fiżika tiegħi li tibqa’ waħda tajba, fuq il-qari tal-logħba u anke fuq l-aspett mentali.”
Dwar il-waterpolo f’Malta, De Raffaele jemmen li sar progress sinifikanti. “Il-livell tal-waterpolo f’Malta għola ħafna,” jgħid. “Waħda mir-raġunijiet ewlenin hija l-investiment li għamlu l-klabbs – plejers barranin, kowċis full-time u aktar attenzjoni fuq it-training tat-tfal.”
Skontu, Malta llum m’għadhiex biss tieħu sehem fil-kompetizzjonijiet internazzjonali, imma qed tmur għal kwalifikazzjonijiet u anke tirbaħ. “Għamilna qabża kbira,” jisħaq.
Huwa jsemmi wkoll l-importanza tal-infrastruttura. “Illum għandna numru ta’ pixxini u faċilitajiet, speċjalment f’lokalitajiet bħas-Sliema u San Ġiljan, imma nisperaw li fil-futur ikollna aktar riżorsi,” jgħid. Madankollu, minkejja dawn il-progressi, jibqa’ sfida importanti: in-numru limitat ta’ referees.
“Il-problema li tibqa’ hija li aħna ftit referees,” jammetti De Raffaele. “Il-biċċa l-kbira huma eks plejers jew eks diriġenti. Opportunitajiet hemm ħafna, speċjalment biex tirreffja barra minn Malta, imma ħafna nies ma jafux bihom.” Huwa jemmen li hemm bżonn aktar promozzjoni u gwida biex aktar żgħażagħ jidħlu f’dan ir-rwol.
Suġġett ieħor li jmiss hu r-rispett lejn ir-referees. “Jeżisti ċertu nuqqas ta’ rispett u fadal ħafna xi jsir,” jgħid b’mod onest. “Illum il-ġurnata, sfortunatament, naraw ukoll attakki personali.” Minkejja dan kollu, De Raffaele juri mentalità soda. “Jien naf għaliex dħalt f’dan ir-rwol. Waqt il-logħba tbaxxi rasek u, meta tiżbalja, tqum b’saħħtek.”
Qabel ma sar referee, De Raffaele kien ukoll atleta. L-ewwel sport tiegħu kien il-futbol, fejn lagħab bħala goalkeeper f’livell taż-żgħażagħ sa under 18 u anke mat-tim nazzjonali Malti. Fl-1992 beda jilgħab waterpolo fis-sajf, filwaqt li kien għadu jilgħab futbol fix-xitwa. Fl-1993, bil-ftuħ tal-pixxina tal-Qroqq, iddeċieda li jiddedika ruħu kompletament għall-waterpolo.
Aktar ’il quddiem, huwa kien ukoll plejer u kowċ, iżda l-impenn intensiv tat-training beda jkun piż. “Kont plejer-kowċ mal-Belt, imma kien hemm ħafna responsabbilta’. Ridt nibqa’ fil-logħba u għalhekk bdejt nirreffja,” jispjega.
Meta jitkellem dwar il-futur, De Raffaele huwa realistiku u seren. “Fadalli sentejn oħra fil-lista tal-LEN. Hemm limitu ta’ eta’, u wara dak iż-żmien irrid nara jekk inkomplix lokalment jew nieħu rwoli oħra.” Dak li hu ċert minnu hu li l-kontribut tiegħu għall-waterpolo Malti mhux se jieqaf faċilment.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, De Raffaele jagħmel appell ċar liż-żgħażagħ. “Il-bibien huma miftuħin beraħ u hemm ħafna opportunitajiet. Mhux faċli tirreffja, anke bħala judge, imma tibda bil-mod. Jekk ikollok passjoni u dixxiplina, tista’ tirnexxi kemm fil-waterpolo tal-irġiel kif ukoll tan-nisa.” Messaġġ b’saħħtu mingħand referee li llum qed jagħmel unur kbir lil Malta fuq l-ogħla livell Ewropew.

