Aktar kmieni wara nofsinhar Dr. Alex Perici Calascione issottometta n-nomina tiegħu għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista liċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali Peter Fenech, biex b’hekk ingħalaq il-proċess ta’ nominazzjonijiet. Il-proċess ta’ nominazzjonijiet seta’ jingħalaq għax persuna waħda biss kienet issottomettiet id-dikjarazzjoni ta’ interess.
L-elezzjoni għal din il-kariga ser tinżamm nhar is-Sibt 30 ta’ Lulju 2022 bejn it-8:00 a.m u l-4:00 p.m ġewwa Malta u bejn it-8:00 a.m u s-1:00 p.m ġewwa Għawdex. F’Malta il-votazzjoni ser tinżamm fid-Dar Ċentrali Pietà u Għawdex ser tinżamm fis-Sub Headquarters PN Sannat.
Għal dawk li ma jistgħux jivvutaw nhar is-Sibt 30 ta’ Lulju 2022 ser jinżammu żewġ votazzjonijiet bikrija ġewwa Malta nhar is-Sibt 23 ta’ Lulju 2022 bejn it-8:00 a.m u s-1:00 p.mu t-Tnejn 25 ta’ Lulju 2022, bejn il-ħamsa ta’ filgħaxija (5pm) u d-disgħa ta’ filgħaxija (9pm). Se tinżamm votazzjoni bikrija waħda ġewwa Għawdex nhar t-Tnejn 25 ta’ Lulju 2022, bejn il-ħamsa ta’ filgħaxija (5pm) u d-disgħa ta’ filgħaxija (9pm).
Il-votazzjonijiet bikrija se jinżammu fl-istess postijiet tal-votazzjoni ġewwa Malta u Għawdex.