Birkirkara FC ikkonfermaw li l-captain tal-klabb Alexander Satariano se jħalli l-klabb wara li l-klabb aċċetta t-talba tiegħu li jibda avventura ġdida barra minn Malta. Il-klabb ikkopera bis-sħiħ max-xewqat ta’ Alexander u estenda l-appoġġ sħiħ tiegħu hekk kif qed jieħu dan il-pass li jmiss fil-karriera tiegħu.
Minn meta ngħaqad mal-Istripes fis-26 ta’ Awwissu 2023, Alexander għamel 65 dehra mal-Istripes, inklużi tnejn f’Kompetizzjonijiet Ewropej u skorja sitt gowls. Il-preżenza tiegħu fil-grawnd u barra minnu malajr għamlitu figura ewlenija fl-iskwadra.
Maħtur captain f’Jannar tal-2025, huwa mexxa lit-tim b’passjoni, impenn u enerġija — u kellu rwol kruċjali biex jgħin lill-klabb jikkwalifika għall-kompetizzjonijiet Ewropej l-istaġun li għadda.
Il-president tal-Klabb, is-Sur Michael Valenzia, ikkummenta: “Alexander kien leader veru għal dan it-tim, kemm fuq il-grawnd kif ukoll barra minnu. Il-kwalità, il-karattru u d-determinazzjoni tiegħu ħallew impatt qawwi f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir.
Filwaqt li dejjem ikun diffiċli li klabb jitlef plejer tal-kalibru tiegħu, irrispettajna bis-sħiħ ix-xewqa tiegħu li jesplora sfida ġdida barra minn Malta. Din kienet possibbiltà li konna antiċipajna, u diġà qed naħdmu wara l-kwinti biex inġibu l-profil it-tajjeb biex insaħħu l-iskwadra għall-istaġun li ġej.”
Id-dedikazzjoni, il-professjonaliżmu u l-prestazzjonijiet mill-aqwa ta’ Alexander għamluh favorit fost il-partitarji. Hekk kif jibda dan il-kapitlu ġdid, il-klabb irringrazzja lil Alex għas-servizz eċċellenti tiegħu u awguralu l-isbaħ xorti għall-futur.