Saturday, December 21, 2024

Alfred Grixti jiċħad li jrid l-immigranti mgħarrqin

Aqra wkoll

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti ċaħad li f’kumment fuq Facebook qal li l-immigranti fuq id-dgħajjes għandhom jiġu mgħarrqa.

Grixti spiċċa f’nofs kontroversja wara li kien attribwit lilu kumment fejn qal li d-dgħajjes li fuqhom qed jinġarru l-immigranti kellhom jitwaqqfu. 

Dan wassal biex kien hemm bosta li jaħdmu favur l-immigranti li ħarġu jikkritikawh u jsejħu għar-riżenja tiegħu bil-bord tal-FSWS ħareġ jiddiżassoċja lilu nnifsu mill-kumment tiegħu.

Dan il-ġurnal talab lil Grixti reazjoni għall-istess kumment tiegħu fejn huwa beda biex qalilna li għal dawn l-aħħar sitt snin huwa mexxa l-organizzazzjoni bla ma ħares lejn wiċċ ħadd fejn jidħol aċċess għas-servizzi essenzjali li toffri.

“Fil-fatt waqt li l-maġġoranza tal-klijenti tagħna huma Maltin hemm numru mhux żgħir ta’ ‘service users’ barranin minn kull parti tad-dinja. Aħna ma niddiskriminawx bejn min għandu jirċievi s-servizzi tagħna u min ma għandux. Min hu fil-bżonn u jinsab f’ pajjiżna se ngħinuh”.

Grixti għamilha ċara li l-obbligu tiegħu huwa li jwettaq dak li jrid il-Gvern skont il-manifest elettorali waqt li jara li s-servizzi jkunu ta’ l-aqwa kwalità għal dawk kollha li jiġu bżonnhom. 

“Dan huwa dak li qed tagħmel l-FSWS. Aħna qegħdin fil-‘front line’. Jekk hu tqassim ta’ ‘methadone’ baqa’ jsir. Jekk hu programm ta’ rijabilitazzjoni baqa’ jsir. Jekk huwa ‘child protection’ baqa’ jsir. Jekk huwa xogħol mal-vittmi ta’ vjolenza domestika baqa’ jsir. Jekk huwa ħidma fil-kommunità baqa’ jsir. Jekk huwa ‘social work’ fis-settur mediku baqa’ jsir. Jekk hu xogħol ma’ persuni bla saqaf fuq rashom baqa’ jsir. F’kelma waħda aħna qegħdin fil-‘front-line’ u se nibqgħu fil-‘front line’ nagħtu dawn is-servizzi”. 

Kien f’dan il-kuntest li Grixti saħaq li fl-ebda ħin ma qal li għandhom jiġu mgħarrqin dgħajjes bin-nies fuqhom.

“Dak assolutment mhux minnu u min dawwar id-diskors b’ dan il-mod kellu skop ulterjuri li issa ħareġ ċar ħafna x’ kien”, żied jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS fil-kumment tiegħu lil dan il-ġurnal.

Ekonomija

Sport