Thursday, December 26, 2024

Alfred Sant jappella għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali u d-demokratizzazzjoni fil-Belarus

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant appella għal proċess ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali u demokratizzazzjoni fil-Belarus u qal li dan għandu jseħħ qabel kwalunkwe intervent fil-pajjiż.

Talbiet għal intervent dirett mill-UE jistgħu ikunu kontroproduttivi waqt li dikjarazzjonijiet li jindikaw ir-rikonoxximent ta’ President elett tal-Belarus huma prematuri u motivati ​​politikament.

F’riżoluzzjoni adottata b’574 vot favur, 37 kontra u 82 astensjoni, il-Parlament Ewropew irrifjuta r-riżultati uffiċjali tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarus tad-9 ta’ Awwissu ta’ din is-sena, billi dawn l-elezzjonijiet saru fi “ksur flagranti tal-istandards kollha rikonoxxuti internazzjonalment ”.

Alfred Sant ivvota favur ir-riżoluzzjoni li tikkundanna l-istat attwali fil-Belarus iżda esprima dubji dwar elementi ewlenin tat-test kif ippreżentat.

Waqt spjegazzjoni tal-vot, Alfred Sant qal li l-avvenimenti wara l-elezzjonijiet presidenzjali ħallew lill-pajjiż destabilizzat u żied li s-sistema politika fil-Belarus issa laħqet livell inaċċettabbli ta’ ripressjoni statali mmirata biex issaħħaħ gvern totalitarju.

“Għalkemm jien personalment kuntrarju li dan il-Parlament jippronunzja ruħu dwar l-affarijiet ta’ pajjiżi oħrajn, jaslu mumenti meta s-solidarjetà mal-ġlieda għad-demokrazija u kontra d-dittatorjat tegħleb il-konsiderazzjonijiet l-oħra kollha. Allura, filwaqt li ma ħadtx sehem fil-voti separati ewlenin fuq dan ir-rapport, ivvotajt favur it-test finali, bħala ġest ta’ solidarjetà mal-poplu tal-Belarus fil-ġlieda tagħhom għal-libertà”, qal Alfred Sant.

Alfred Sant innota li l-Parlament Ewropew ma setax jikkundanna l-indħil Russu fl-affarijiet tal-Belarus, filwaqt li jistieden lill-atturi tal-Unjoni Ewropea biex jagħmlu l-istess. Riskju reali huwa li l-Belarus ssir teatru ieħor għall-konfront bejn is-soft power tal-UE u r-real politik tar-Russja.

Ir-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew innotat ukoll li, ladarba t-terminu tal-kariga tal-mexxej attwali Alexander Lukashenko jiskadi fil-5 ta’ Novembru, il-Parlament Ewropew ma jibqax jagħrfu bħala l-President tal-pajjiż.

Ekonomija

Sport