Friday, November 29, 2024

Alfred Sant jastjeni fuq il-vot dwar il-Bulgarija

Aqra wkoll

Alfred Sant astjena fuq ir-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Bulgarija. Din hi spjegazzjoni tal-vot tiegħu mogħtija lis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew:

“Għal dawn l-aħħar sitt snin kont qed nagħmel mistoqsijiet dwar il-leġittimità ta’ din it-tip ta’ riżoluzzjoni, meta applikata għall-gvern ta’ Malta u bl-istess mod meta applikata għal gvernijiet oħra.

Jekk ġudizzji jsir għal kwalunkwe sistema tal-gvern, għandha tkun ibbażata fuq eżami oġġettiv u bla passjoni. Dan il-proċess ma jeżistix. Dak li jiġri huwa fil-fehma tiegħi, metodu polarizzat u politikament imxaqleb, kemm fil-Parlament Ewropew kif ukoll fil-livell tal-Kummissjoni.Ewropea.

 Ma nistax ma niddenunzjax l-ipokresija politika, li takkumpanja dan il-proċess. Matul dan id-dibattitu, rajna persuna mill-Partit Popolari Ewropew, li kienet minn ta’ quddiem fil-promozzjoni bl-addoċċ f’din il-Kamra t’allegazzjonijiet u sanzjonijiet kontra l-gvern ta’ Malta, il-pajjiż li hi tirrappreżenta hawnhekk, issa qed tixgħel xemgħa lill-Gvern Bulgaru u qed tippreżenta emendi b’difiża tal-pożizzjoni tiegħu. Dan huwa indifensibbli.

Fiċ-ċirkostanzi, b’koerenza sħiħa mal-pożizzjoni tiegħi dwar proċess, li jien inqis xenata politika, ma kelli l-ebda eżitazzjoni li nivvota kontra l-emendi tal-Partit Popolari Ewropew u li nastjeni fuq ir-riżoluzzjoni finali. Dan bl-ebda mod ma għandu jittieħed bħala approvazzjoni espliċita jew impliċita ta’ dak li qed jiġri fil-Bulgarija. Anzi, il-kuntrarju.” – TMIEM

Sport