Thursday, December 26, 2024

Alfred Sant joġġezzjona għal aġenda ċentrista għall-elezzjonijiet futuri tal-PE

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant ivvota kontra rapport tal-Parlament Ewropew li jinkludi analiżi dwar l-elezzjonijiet Ewropej. Dan minħabba li r-rapport jiddevja lejn l-impożizzjoni ta’ aġenda Ewro-ċentrista għal elezzjonijiet futuri tal-PE.

Dan jinjora t-tradizzjonijiet politiċi demokratiċi u l-istrutturi demografiċi tal-Istati Membri differenti li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea.

Ir-riżoluzzjoni diskussa fil-plenarja tal-Parlament Ewropew għandha l-għan li teżamina l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet Ewropej tas-sena l-oħra kif ukoll tivvaluta l-qafas istituzzjonali u politiku li fih saru l-elezzjonijiet.

Ir-rapport jippreżenta lista twila ta’ proposti, li f’ħafna aspetti jippruvaw ibiddlu u jgħaqqdu r-regoli differenti dwar il-votazzjoni għall-elezzjonijiet Ewropej fl-istati membri differenti.

Alfred Sant irrikonoxxa li l-vot fil-plenarja neħħa numru ta’ proposti kontestabbli mressqa mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-PE bħal sejħiet għal listi transnazzjonali u bidla fir-regola dwar Kummissarju wieħed jew waħda għal kull stat membru.

Madankollu, ir-riżoluzzjoni xorta kien fiha proposti li dwarhom Sant esprima nuqqas ta’ qbil. B’mod partikolari, għandha l-għan li timponi regoli uniformi dwar it-twaqqif ta’ partiti politiċi, regoli ta’ kif jintagħżlu l-kandidati, u drittijiet tal-vot.

“Kwalunkwe tentattiv biex ikunu maqbużin tradizzjonijiet kostituzzjonali żviluppati matul għexieren ta’ snin u sekli jista’ jkun perikoluż billi jiftaħ firxa sħiħa ta’ manuvri għall-lemin estrem biex jattakka u jimmina l-libertajiet demokratiċi nazzjonali”, qal Alfred Sant lill-Parlament Ewropew.

Ir-riżoluzzjoni titlob ukoll għal trasformazzjoni tal-Kunsill tal-UE fit-tieni kamra leġiżlattiva tal-Unjoni. Skond Alfred Sant, din il-proposta nofsha nejja, la tidħol fir-rekwiżiti ta’ unjoni federali u lanqas f’dawk ta’ Unjoni Ewropea, li tgħid li tippromwovi l-għaqda permezz tad-diversità.

Ir-rapport ġie adottat b’468 favur, 194 kontra, u 34 astensjoni.

Ekonomija

Sport