Sunday, April 21, 2024

Alfred Sant maħtur Membru tas-Sottokumitat tat-Taxxa tal-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant inħatar membru tal-FISC, is-sottokumitat permanenti tat-taxxa tal-kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fil-Parlament Ewropew. FISC reċentement inħoloq bħala parti mill-ġlieda kontra l-frodi fiskali u għat-trasparenza finanzjarja.

Wara sensiela ta’ kumitati speċjali u kumitat ta’ inkjesta, maħluqin biex jindagaw id-diversi leaks u skandli tat-taxxa ta’ dawn l-aħħar snin, is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew f’Ġunju ta’ din is-sena qablet dwar mandat għal setup aktar permanenti biex jitfa’ dawl fuq din il-kwistjoni.

Is-sottokumitat dwar kwistjonijiet ta’ taxxa se jittratta b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, kif ukoll it-trasparenza finanzjarja għal finijiet ta’ tassazzjoni.

Fl-2019, fir-rapport finali tal-Kumitat Speċjali dwar ir-Reati Finanzjarji, l-Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa (Kumitat TAX3), il-PE ivvota favur il-ħolqien ta’ struttura permanenti fil-forma ta’ sottokumitat għall-ECON, il-kumitat ekonomiku u finanzjarju tal-PE. Dan isegwi l-ħidma ta’ erba’ kumitati speċjali  jew ta’ inkjesta suċċessivi dwar it-taxxa u l-ħasil tal-flus.

Matul is-snin tiegħu bħala Membru Parlamentari Ewropew, Alfred Sant kellu numru ta’ kisbiet bil-parteċipazzjoni tiegħu fil-kumitati speċjali preċedenti dwar it-taxxa, b’mod partikolari fil-protezzjoni tal-whistleblowers u fil-qasam tat-trasparenza fit-taxxa.

Is-sħubija ta’ Alfred Sant fil-FISC hi partikolarment importanti fid-dawl tal-impenn ta’ Malta favur ir-riformi li jsaħħu l-istituzzjonijiet tal-pajjiż u li jtejbu l-governanza kif ukoll id-djalogu li għaddej bejn il-Gvern Malti u l-istituzzjonijiet tal-UE dwar il-governanza tajba, l-infurzar tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja.

Sport