Friday, December 13, 2024

Aljeni, astratti u awtoritratti… Il-ħiliet t’artist li ttraxxenda żminijietu

Aqra wkoll

Minn Daniela Attard Bezzina, Uffiċjal għall-Komunikazzjoni – Heritage Malta

Hemm poeżiji, sinfoniji u pitturi li għalkemm tixtarrhom sewwa, tibqa’ tinkik il-mistoqsija: Imma x’ried ifisser eżattament min kitibhom, ikkomponiehom jew pinġiehom? U forsi dan hu wieħed mill-isbaħ aspetti tal-arti – il-ftuħ tagħha għall-interpretazzjoni. Aspett li żgur ma tistax tinjorah meta żżur il-wirja ta’ xogħlijiet ta’ Giorgio Preca li għaddejja f’MUŻA bħalissa u li tħallik tħammem dwar x’kellu f’moħħu tassew dan l-artist kbir meta pitter aljeni qed jgħixu magħna f’din l-art ħelwa, jew meta pinġa lilu nnifsu b’mod li jaħsdek u li jġiegħlek tħares u terġa’ tħares.

Nistqarr, pjuttost b’mistħija, li sa ftit xhur ilu qatt ma kont smajt b’Giorgio Preca. Issa li qrajt dwar ħajtu u rajt xogħlijietu, niskanta kif jien u bosta Maltin bħali ma sirniex midħla tiegħu ħafna qabel. Kien bniedem li ttraxxenda lil żminijietu u li ma beżax joħloq il-kontroversja, iżda fuq kollox kien artist importanti ħafna li lil sħabu l-artisti tal-ġenerazzjoni tiegħu, u wkoll lil dawk li ġew warajh, nisslilhom ix-xrara biex jesprimu ruħhom kif jixtiequ u ma jsegwux neċessarjament in-normi stabbiliti. Minn diversi lati, għalhekk, Preca huwa figura importanti fl-istorja tal-arti moderna ta’ pajjiżna.

Xtaqt inżur il-wirja b’xogħlijietu mhux biss biex għall-ewwel darba f’ħajti nesperjenza l-pitturi tiegħu iżda wkoll għax din mhix wirja bħall-oħrajn u kelli kurżità kbira biex nara l-karatteristiċi immersivi u interattivi li bihom Heritage Malta qed tagħti l-ħajja lill-pitturi esebiti u toffri esperjenza unika lil viżitaturi minn kull qasam tal-ħajja u ta’ kull età. Ma ħriġtx diżappuntata għax, grazzi għall-għodod tat-teknoloġija moderna, kemm domt fis-sala tal-wirja ħassejtni f’dinja oħra, fejn l-arti togħdos fiha, timxi fuqha u tismagħha tkellmek.

Aspett innovattiv ieħor tal-wirja hu li tibda tlaqqgħek ma’ Giorgio Preca minn qabel ma tidħol fis-sala. Fil-fatt, meta tkun għadek barra s-sala, tkun diġà qrajt tagħrif dwar l-artist u ngħatajt togħma tal-kontroversji li ġieli ħoloq billi tifli wieħed minn xogħlijietu, bl-isem ‘Crucifixion’. Din il-pittura kienet ikkummissjonata għall-knisja parrokkjali ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema, fejn tqiegħdet u tbierket fis-17 t’April 1946. Ġara, iżda, li mal-parruċċani ma niżlitx tajjeb wisq minħabba l-bixra moderna tagħha u malli miet min kien ikkummissjona l-pittura, talbu li din titpoġġa xi mkien ieħor. Fil-fatt fl-1956 il-pittura ttieħdet fil-knisja tal-Madonna tal-Ħniena f’Bir id-Deheb, fejn għadha sal-lum.

Il-pittura li tilqgħek malli tidħol fis-sala hija l-awtoritratt tal-artist, maħdum fl-1953. Meta tkun rajt ir-ritratti ta’ diversi personaġġi li Preca kien ikkummissjonat biex jagħmel fl-istil ‘tradizzjonali’ u li huwa esegwixxa b’xebh straordinarju mal-personaġġi nfushom, l-awtoritratt jaħsdek xi ftit l-ewwel darba li tarah. Tista’ tgħid li dan hu awtoritratt doppju, kompost mis-superimpożizzjoni ta’ żewġ xbihat li waħda minnhom hija profil u l-oħra hija angolatura ta’ tliet kwarti. Preca għażel li jinkludi l-aljeni anke fl-awtoritratt, bħallikieku biex juri kemm kienu jittantawlu moħħu, filwaqt li dragun żgħir f’ħalqu jirrappreżenta l-isforzi tal-artist biex jiġġieled il-ħażen.

Ix-xogħlijiet li jmiss huma tliet pitturi li bihom Preca kien ħa sehem fil-Biennale ta’ Venezja fl-1958, fuq stedina tal-gvern Taljan. Ħarsa waħda lejn dawn il-kwadri turik mill-ewwel li l-artist Malti kien konxju ħafna tal-aħħar żviluppi artistiċi ta’ żmienu, kemm mil-lat ta’ stil kif ukoll fl-għażla tal-kuluri. Jispikkaw ukoll id-daqqiet b’saħħithom tal-pinzell fuq it-tila, u l-użu tal-kontorni suwed tipiċi ta’ Preca.

Kif jixraq, it-tema tal-aljeni li Preca tratta f’diversi pitturi għandha spazju mdaqqas iddedikat speċifikament għaliha. Fis-snin 50 tas-seklu 20, meta Preca kien fl-aqwa tal-karriera tiegħu, is-suġġett tal-aljeni kien topiku ħafna, b’bosta nies jirrapportaw li raw vetturi spazjali jew oġġetti strambi fis-sema, u b’diversi pajjiżi f’tellieqa biex ikollhom l-ewwel rappreżentanti fuq il-qamar. Preca kien affaxxinat bis-suġġett, għax fih ra mod kif bl-arti tiegħu jesplora l-oriġini tal-bniedem u jittratta t-tema ta’ vjaġġ ta’ skoperta. F’xogħlijietu dwar l-aljeni, Preca juri fost ħwejjeġ oħra vetturi spazjali jinżlu Malta kif ukoll aljeni jesperjenzaw il-ħajja Maltija, jidraw id-drawwiet lokali, jiskopru t-territoju u jibnu strutturi mdaqqsin.

Fuq pannella kbira int u għaddej għat-taqsima li jmiss, tara collage b’ħafna siltiet minn katalgi ta’ wirjiet li fihom Preca esebixxa xogħlijietu u li jixhdu kemm kien artist prolifiku, flimkien ma’ artikli ppubblikati fil-ġurnali kemm dwaru kif ukoll dwar għaqdiet ta’ artisti moderni lokali li kienu nħolqu fis-snin 50 u 60 u li Preca kien il-President ta’ tnejn minnhom.

Uħud mill-kwadri astratti li l-artist pitter fis-snin 60 u 70 huma esebiti fis-sezzjoni li jmiss. Hawnhekk l-element immersiv u interattiv tal-wirja jispikka ħafna, billi l-art bħal donnha timxi miegħek biex bil-movimenti tiegħek toħloq l-istess forom ta’ ċrieki li jidhru fil-pitturi.

L-aħħar parti tal-wirja hi dedikata lill-istill lifes ta’ Preca. Hawnhekk ġie riprodott l-ambjent tal-istudio tal-artist, komplut bi wħud mill-oġġetti oriġinali li huwa ispira ruħu minnhom kif ukoll il-pitturi li rriżultaw minn dik l-ispirazzjoni. Kif jidher ċar minn dawn ix-xogħlijiet, għal Preca l-oġġetti li kien juża għall-arti tan-natura morta kienu biss il-punt tat-tluq biex jimraħ u jesprimi ruħu kif jixtieq u xi drabi jiffilosofizza dwar il-ħajja wkoll. Għalhekk huma espressjoni personali ħafna, irrispettivament mill-oġġetti li ispirawhom.

Huwa dan l-element personali – li jixhed ruħ ħielsa mill-irbit tan-normi ta’ żmienha tant li sfidathom minkejja l-konsegwenzi – li lili laqatni l-aktar f’din il-wirja stupenda. U lilek x’jolqtok kieku? Aqbeż qabża sa MUŻA u tkun taf.

Min kien Giorgio Preca?

Twieled fl-1909 fil-Belt Valletta u miet fl-1984 f’Ruma, fejn kien għex għal ħafna snin. Kien wieħed mill-ewwel studenti tal-Iskola tal-Arti wara li din infetħet fl-1927. Anke meta kien għadu student, Preca wera li kien jippreferi jesprimi ruħu b’mod ħieles milli jimxi strettament mat-teknika li kien qed jiġi mgħallem.

Għalkemm ma kisibx borża ta’ studju mill-Gvern biex ikun jista’ jistudja barra minn Malta, fis-snin 30 Preca kompla l-istudji tiegħu f’Ruma, fir-Regia Accademia di Belle Arti, kif ukoll fil-British Academy, immexxija minn Antonio Sciortino. Hawn kiseb riżultati eċċellenti, tant li bosta gazzetti Maltin kienu jirrapportaw il-progress tiegħu. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-artist ġie ingaġġat bħala restawratur mill-Mużew Nazzjonali ta’ Malta, u fl-1946 mar Ruma fejn serva ta’ assistent professur fil-British Academy.

Preca kien meqjus mill-ġenerazzjoni ta’ artisti ta’ wara l-gwerra bħala wieħed mill-aqwa esponenti tal-arti moderna f’Malta, jekk mhux l-aqwa wieħed fosthom. Dan seħħ partikolarment fis-snin wara l-ewwel wirja importanti tiegħu fl-1948 fil-Lukanda Phoenicia.

Fl-1956 Preca mar jgħix Ruma għal kollox. Fl-Italja, il-ġibda tiegħu lejn il-Moderniżmu kompliet tissaħħaħ, kif tikkonferma l-lista twila ta’ wirjiet li tella’ waħdu u li ħa sehem fihom ma’ oħrajn. Kien jinvolvi ruħu fix-xena artistika ta’ Ruma kemm bħala barrani residenti f’dik il-belt kif ukoll bħala artist internazzjonali. Madankollu baqa’ dejjem kburi ħafna bil-fatt li kien Malti, tant li baqa’ jżomm il-passaport ta’ art twelidu u fl-Italja hu anke magħruf bħala ‘Giorgio Preca di Malta’.

Waħda mill-karatteristiċi ewlenin li jiddistingwu lil Preca hija li kien dejjem lest jieħu sogri u jesprimi ruħu bil-lingwa artistika individwali tiegħu, anke jekk il-pubbliku Malti ħafna drabi ma kienx lest għal din l-innovazzjoni.

Fil-parti l-kbira tagħhom, ix-xogħlijiet ta’ Preca li qed jiġu esebiti f’MUŻA bħalissa ġew mislufin lil Heritage Malta mill-familja tal-artist.

Il-wirja ‘Giorgio Preca ta’ Malta: Artist Internazzjonali bi Spirtu Modern’ tibqa’ għaddejja sas-27 ta’ Frar. Il-ġranet tal-ftuħ ta’ MUŻA huma kuljum ħlief it-Tnejn u l-Ħamis, bejn id-9:00 u l-16:30. Kull nhar ta’ Ġimgħa matul Frar, il-wirja se tkun miftuħa wkoll bejn is-18:00 u d-21:00. Il-ħlas tad-dħul normali għall-wirja matul il-ħinijiet estiżi ta’ Frar huwa ta’ €5 kull persuna. F’dawn il-ħinijiet estiżi, il-viżitaturi se jiġu offruti dawra gwidata mal-wirja fit-20:00, għall-prezz ta’ €10 kull persuna minflok €5. Il-mużew mhux se jkun miftuħ fil-ħinijiet estiżi ta’ nhar ta’ Ġimgħa li se jkun hemm matul Frar.

It-tour virtwali tal-wirja jista’ jiġi aċċessat hawnhekk: https://muza.mt/giorgiopreca/

Għal din il-wirja ġie ppubblikat katalgu bi studji dwar Giorgio Preca. Il-katalgu, flimkien ma’ oġġetti oħra marbuta mal-wirja, issibu għall-bejgħ hawnhekk: https://heritagemalta.org/shop/

Ekonomija

Sport