Friday, November 15, 2024

“Alla huwa kollox għalija… mingħajru jaqbadni biki kbir u naqa’ fi kriżi”

Rev. Clive Seychell

Aqra wkoll

Is-Sibt li għadda, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Jude Scicluna ta l-ordinazzjoni lil ħames djakni ġodda waqt il-quddiesa li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Il-ħames djakni huma tliet seminaristi — Gylan Camilleri mill-Parroċċa ta’ Sant’Anna f’Marsaskala, Ian Diacono mill-Parroċċa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema; u Clive Seychell mill-Parroċċa ta’ San Ġużepp tal-Kalkara. Barra minn hekk kien hemm ukoll żewġ reliġjużi Fra Manwel Aquilina tal-Beata Marija tal-Inkarnazzjoni, tal-Ordni Karmelitan Tereżjan u Fra Ian Zammit tal-Ordni tal-Predikaturi.

Wieħed minn dawn l-individwi kien appuntu Clive Seychell li ġie ordnat bħala djaknu. Meta wieħed isemmi l-kelma djaknu, ikun qed jirreferi għall-persuna li jiddedika ħajtu għall-qadi bl-imħabba fis-servizz tiegħu lejn il-poplu, jassisti lill-isqof u lil qassisin fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa u jassisti għal xi sagramenti partikolari fosthom l-Ewkaristija, il-magħmudia u ż-żwieġ.

Clive Seychell hu bniedem ferm attiv fuq il-profil personali tiegħu fuq Facebook hekk kif jaqsam mal-ħbieb virtwali tiegħu numru ta’ kwotazzjonijiet li ġejjin minn persuni magħrufa u li int u taqrahom iġiegħluk taħseb dejjem aktar dwar il-valur tal-ħajja u s-sabiħ li tingħata lil Alla. 

Talk.mt tkellmet ma’ Clive Seychell fejn mal-ewwel esprima l-ferħ tiegħu għal din l-ordinazzjoni tas-Sibt li għadda.

“Kelli ħafna nies li bagħtuli u ferħuli għal din l-ordinazzjoni tiegħi. Kienet esperjenza li ili nipprepara għaliha u li nqisha bħala ħolma sabiħa li għaddejt minnha. Bħalissa għadni qed nerġa’ niftakar minn dak li għaddejt minnu ftit tal-ġranet ilu u biex inqerr miegħek qed nipprova wkoll nidra l-kullar ta’ djaknu. Dan ġie mogħti lili għax jien issa rrid niddedika ħajti għas-servizz tal-poplu. Fl-istess waqt għadni ma nistax nemmen li għaddej minn dan il-proċess sabiħ li seħħ fi ftit żmien.”

Insaqsu lil Clive Seychell kif ġietu l-vokazzjoni li jsir saċerdot.

“Tista’ tgħid li hi storja twila. Jien kont qed nistudja bħala mechanical engineer fl-Universita’ ta’ Malta u qatt ma ħlomt li kont se naqbad din it-triq, anke għax kelli pjanijiet kbar għall-karriera tiegħi, li fil-verita’ qatt m’għamiltha. Mort saħansitra Londra sabiex nagħmel kors fil-finanzi u għamilt sitt xhur hemm.”

“Minkejja kollox, indunajt li din ma kinitx il-ħajja li kont qed infittex. Ġew dawk il-mumenti mudlama fejn ma tkunx taf x’għandek tagħmel u wasalt f’punt fejn saqsejt x’kienet dik il-ħaġa li tagħmilni ferħan f’ħajti. Kien għalhekk li bdejt infittex aktar it-talb u naqra partijiet mill-iskrittura. Hemmhekk komplejt niskopri lil Alla u lil Ġesu Kristu u rbatthom ma’ qalbi speċjalment għal dak li qrajt mill-bibbja. Kien proċess ta’ dixxerniment li jien saħansitra ħsibt sabiex nieqaf mill-karriera tiegħi wara erba’ snin naħdem full-time u niddedika kollni kemm jien lil Alla. Tista’ tgħid li minn hemm beda kollox!”

Seychell jgħid li s-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl tawh direzzjoni u kien għalhekk li fi ftit taż-żmien spiċċa s-seminarju sabiex jaqbad it-triq tas-saċedozju. Hu jsejħilha bħala vokazzjoni li waslet tard u wieħed jista’ jinduna mix-xagħar abjad li għandu għalkemm bħalma jgħid hu qatt m’hu tard li twettaq l-objettivi tiegħek.

Permezz ta’ din l ordinazzjoni, Clive Seychell flimkien mad-djakni l-oħra, jsir xebh ma’ Ġesù Kristu li anke hu ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd.  Skont Seychell, dan il-ħsieb ta’ qaddej hu ferm emozzjonanti u jqanqal fih sens ta’ stennija sabiex ikun ta’ servizz għal kulħadd. 

Hu faħħar lill-moviment kariżmatiku immexxi minn Fr Ian Diacono li għenu sabiex jesperjenza aktar mill-viċin lil Alla u fl-istess ħin jagħmel din l-imħabba lejH bħala waħda li hu jsejħilha tanġibbli.

“Fil-ħajja tiltaqa’ ma’ ħafna dubji u esperjenzi li jien stess għaddejt minnhom. Madankollu meta tikber dik l-imħabba profonda lejn Alla, ħadd u xejn ma jwaqqfek fit-triq li tkun qbadt. Illum il-ġurnata nista’ ngħid li nħobb din il-komunita’ li kienet il-passat, hi l-preżent u se tkun il-futur tiegħu bħala saċerdot.”

Saqsejna lid-djaknu Clive Seychell x’ifisser għalih Alla. Hu weġibna li Alla jfisser kollox għalih.

“Alla jfisser il-ħabib tiegħi, it-tfajla tiegħi, ħija, missieri u kull persuna oħra li tista’ tirrelata miegħu. Alla għamilni nies u hu dak li jħobbni verament. Meta tisimgħu jitkellem f’qalbek, int tħoss paċi kbira. Hu kollox għalija u mingħajru jaqbadni biki kbir u naqa’ fi kriżi.”

“Meta bniedem iwarrab lil Alla minn ħajtu, jibda dieħel l-egoiżmu li b’xorti ħażina qed iżid aktar ma jgħaddi ż-żmien. Meta int tkun miegħu, Hu kapaċi jmexxik dejjem fit-triq tas-sewwa.”

Iżda Seychell ġieli kien għarus? Hu jgħidilna li qatt ma kien għarus b’mod uffiċjali għalkemm ġieli kellem xi tfajliet matul iż-żgħożija tiegħu.

Għalhekk il-mistoqsija li jmiss toħroġ naturali. X’jaħseb Clive Seychell dwar il-misteru taċ-ċelibat?

“Ħafna jgħidu li meta bniedem jikber u ma jsibx sieħeb jew sieħba kapaċi jbati u jsib ruħu waħdu. Madankollu jien ngħid li jekk tħalli f’idejn Alla, Hu jmexxik u qatt ma tħossok waħdek.”

“Min-naħa tiegħi jien noffri din is-solitudni lil Alla u Hu jagħtini l-grazzja sabiex ngħixha bl-aqwa mod possibbli.”

Minkejja kollox, Clive Seychell jgħid li hu għandu ħafna ħbieb u ħafna dejjem jaraw li ma jkun jonqsu xejn.

Finalment tlabna lil Clive Seychell sabiex jgħaddi messaġġ liż-żgħażagħ li forsi qed jibżgħu jaqbdu din it-triq tant qaddisa u nobbli tas-saċedozju.

“Ninsabu ngħixu f’dinja mimlija storbju. M’hemm l-ebda sejħa li hi faċli aktar u aktar fiż-żminijiet tal-lum fejn malajr taljena ruħek b’ħafna affarijiet materjali. Madankollu s-sagrifiċċju hu sabiħ u dak jagħmlek nies. Is-saċerdozju hi sejħa sabiħa mmens u speċjalment dik li taqdi lil ħaddieħor hi dejjem xi ħaġa sabiħa.”

“Il-biżgħat dejjem hemm jibqgħu speċjalment fuq il-futur iżda jien dejjem inħalli f’idejn Alla li jmexxini dejjem f’dak li jrid hu mingħandi.”

“Finalment jien nasal biex ngħid li Alla hu s-soluzzjoni ta’ kollox. Kull biża’, dubju jew xi ħaġa negattiva li tista’ tħoss tgħib minnufih meta naħseb fiH.”

Ekonomija

Sport