Monday, May 12, 2025

Allegatament ħadem f’sit ta’ kuntrattur li kien akkużat b’każ ta’ ħaddiem mitfugħ fuq bankina f’Selmun

Il-mewt ta’ ħaddiem Pakistani f’Ħaż-Żabbar…

Aqra wkoll

Kollox qiegħed jindika mill-investigazzjonijiet li għaddejjin dwar il-każ ta’ ħaddiem Pakistani li miet proprju l-għada ta’ Jum il-Ħaddiem, li l-ħaddiem Pakistani kien qiegħed jaħdem ma’ kuntrattur li proprju fis-sena 2021 kien akkużat li abbanduna ħaddiem Afrikan fuq bankina wara li weġġa fuq post tax-xogħol fil-Mellieħa. 

Sorsi qrib l-investigazzjoni qegħdin isostnu li għalkemm l-investigazzjoni għadha għaddejja u għadha fi stadju prematur, kollox qiegħed jindika li dan il-ħaddiem li miet u weġġa’ fuq il-post tax-xogħol kien qed jaħdem ma’ dak l-istess kuntrattur. 

Il-każ tal-met tal-ħaddiem Pakistani kien seħħ f’Ħaż-Żabbar, bil-vittma ġie identifikat mill-Pulizija bħala Pakistani ta’ 40 sena. Kollox jindika li fil-ħin tal-inċident il-ħaddiem kien qed jgħaqqad armar bi tħejjija biex jingħata l-konkos. Hu ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

L-inċident qed ikun investigat minn uffiċjali tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. Il-Maġistrat Ian Farrugia qiegħed imexxi inkjesta.

Fil-każ ta’ Selmun, li seħħ f’Settembru tas-sena 2021, kienet Caroline Galea li sabet immigrant mal-art abbandunat fi triq wara li allegatament waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni. Dank inhar konna rrappurtajna li l-ħaddiem kien iddikjara li  “ma rridx immur il-ħabs, ma rridx immur il-ħabs”. Dawn kienu l-ewwel kliem li lissen immigrant li nstab mitluq fuq bankina. Kien f’agunija. Inzerta għaddejjin mill-post nies, li m’għamlux kif jidher li għamlu oħrajn u baqgħu sejrin iżda waqfu biex jagħtu l-għajnuna. Kif marru ħdejh l-ewwel ħaġa li qalilhom bi tbatija kienet li ma jridx imur il-ħabs. “Qegħdin hawn biex ngħinuk”, kienu l-kliem li qalulu l-persuni Maltin li waqfu jgħinuh.

L-istorja li ssegwi wara tħallik bla kliem. Caroline Galea, li kienet waħda minn erba’ persuni li sabu lil dan l-immigrant mitluq fuq il-bankina meta kkummentat ma’ dan is-sit qaltilna li “sibtu f’agunija. Kien imbeżża’ li se jmut. Jien kont ixxukkjata.” Għall-bidu ħasbet li kien tah xi attakk tal-qalb.

Jistaqsuh x’jismu u minn hemm issir magħrufa l-istorja ta’ kif spiċċa fuq dik il-bankina, bogħod minn għajnejn in-nies. 

Caroline Galea meta tkellmet magħna kienet qaltilna li: “jiena ma kontx l-ewwel waħda li sibtu. Ħdejh kien hemm tliet persuni oħra. Anki huma kienu qed jippruvaw jgħinuh. Jien li għamilt kien li poġġejt bilqiegħda ħdejh u bdejt nipprova ngħidlu jħares lejja. Bdejt ngħidlu biex jieħu in-nifs. Għedtlu wkoll li konna qegħdin hemmhekk biex ngħinuh. Spjegajtlu li ma konniex se nħalluh waħdu”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport