Tuesday, November 26, 2024

Allegatament sforza lill-eks sieħba tuża ġugarelli sesswali kontra r-rieda tagħha

Aqra wkoll

Raġel li fil-Qorti ngħad li hu sid ta’ negozju f’Ħal Qormi ġie akkużat li wettaq fastidju sesswali fuq l-eks sieħba tiegħu wara li allegatament sforza tuża ġugarelli sesswali kontra l-volonta tagħha.

Ir-raġel li ismu ma jistax jixxanda fuq ordni tal-Qorti se jkun qiegħed jagħmel il-Milied taħt arrest hekk kif il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ċaħdet it-talba għal ħelsien minħabba li għad hemm evidenza li għad trid tiġi ppreżentat fil-Qorti.

Hekk kif tressaq il-Qorti hu wieġeb mhux ħati filwaqt li ġie akkużat li wettaq umiljazzjoni fuq l-eks sieħba tiegħu billi sforza twettaq atti sesswali kontra r-ried tagħha. Hu ġie akkużat ukoll li żammha kontra r-rieda tagħha u anke sofriet ġrieħi ta’ natura ħfief.

Quddiem il-Maġistrat intqal li l-allegat każ seħħ nhar it-Tlieta li għadda meta r-raġel mar fir-residenza tal-eks sieħba tiegħu f’Birkirkara. Il-koppja kienu ilhom f’relazzjoni għal dawn l-aħħar 18-il xahar, iżda fl-aħħar jiem huma temmew din ir-relazzjoni.

Skont dak li qal ir-raġel hu kien qiegħed jipprova jirranġa r-relazzjoni magħha hekk kif qabel ma mar fir-residenza tagħha bgħatilha ritratti ta’ manetti u frosta. Hekk kif wasal id-dar tagħha hi fetħiltu l-bieb u allegatament ħallietu jidħol ġewwa.

L-akkużat qal lill-pulizija li huma kienu diġà bdew jużaw ġugarelli sesswali, iżda min-naħa tal-vittma nsistien li l-eks sieħeb tagħha beda jsir vjolenti ħafna meta rrifjutat li twettaq ċertu affarijiet.

Fil-Qorti ħareġ li allegatament il-vittma biex tgħajat u anke pprovat taħrab, iżda l-akkużat waqqafa milli tagħmel dan.

L-avukati difensuri tal-akkużat Franco Debono u Mario Camilleri talbu għal ħelsien mill-arrest minħabba li r-raġel m’għandu l-ebda storja ta’ kriminalità.

Iżda l-Ispettur Audrey Micallef li qed tmexxi l-prosekuzzjoni qalet li baqa’ l-vittma li għad trid tixhed u hemm posibbilità li r-raġel jerġa’ jagħmel kuntatt magħha.
Kien għalhekk li l-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest u ordnat li r-raġel jibqa’ jinżamm arrestat.

Sport