Friday, February 21, 2025

Allegazzjoni li Roberta Metsola ikkuppjat kważi nofs it-teżi

...l-akkużi saru mir-riċerkatur Stefan Weber

Aqra wkoll

Rapporti fil-midja Ġermaniża allegaw li l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola ikkuppjat il-parti l-kbira tat-teżi tagħha minn sorsi oħra, liema teżi hi għamlitha biex tilħaq avukata. Kien ir-riċerkatur u kittieb fil-midja Awstrijakka, Stefan Weber li għamel dawn l-allegazzjonijiet. Weber hu magħruf għar-riċerka tiegħu dwar plaġjariżmu. Matul il-karriera tiegħu hu kixef għadd ta’ każijiet ta’ frodi f’għadd ta’ teżijiet.

Salbieraħ filgħaxija kien għad m’hemmx reazzjoni għal pubblikazzjoni ta’ dawn l-allegazzjonijiet minn naħa ta’ l-uffiċċju ta’ Roberta Metsola, għalkemm hu mistenni li hi tagħti tweġiba għal dawn l-allegazzjonijiet fil-ħin li ġej.

L-allegazzjonijiet inħarġu mill-midja Ġermaniża ‘Bild’ u dan wara li r-riċerkatur Stefan Weber, f’investigazzjoni li għamel allega li kien hemm partijiet sostanzjali mit-teżi tagħha li kienu kkuppjati. Hu allega li kważi nofs it-teżi ta’ Roberta Metsola kienet ikkuppjata.

Allegati każijiet ta’ plaġjariżmu, jiġifieri ikkuppjar ta’ teżijiet jittieħdu b’mod serju ħafna mill-Universitajiet u normalment isiru investigazzjonijiet dwar dawn l-istess allegazzjonijiet biex ikun stabbilit jekk dawk l-allegazzjonijiet ikunux minnhom jew le.

Jingħad li t-teżi ta’ Roberta Metsola kienet dwar is-sistema elettorali f’pajjiżi differenti fosthom is-sistema elettorali f’Malta.

Ir-rapport ta’ Bild jgħid li dawn għamlu kuntatt mal-uffiċċju ta’ Roberta Metsola dwar l-allegazzjonijiet, li jitqiesu bħala serji. Il-Bild kien ikkuntattjat mill-maniġer tal-kommunikazzjoni tagħha, Mina Andrea u hi wieġbet li “s-sinjura Metsola qatt ma kitbet teżi tad-dottorat. M’għandhiex dottorat u qatt ma ppretendiet li għandha wieħed”.

Bild fir-rapport tagħhom isemmu li għamlu kuntatt mar-Rettur tal-Università Alfred Vella u dan qal li “l-Università ta’ Malta se tkun qed teżamina dawn l-akkużi. Dan x’aktarx jieħu ftit ġimgħat”. Ir-Rettur tal-Università qal li Roberta Metsola irċeviet it-titlu ta’ “LL.D’ jew ‘Doctor of Laws’ u hu għalhekk li hu isejħilha ‘Dr Metsola’.

Ir-rapport jgħid li l-President tal-Parlament tal-Unjoni Ewropea issejjaħ lilha nnifisha “Dr. Metsola” u fuq il-paġna tal-grupp tagħha, il-PPE, issejjaħ lilha nnifisha “Dr. Metsola”. Jgħid li fuq l-internet jidhru wkoll aktar ritratti tagħha f’avvenimenti pubbliċi fejn tidher bil-titlu ta’ dottorat.

Ir-rapport qal li hu diffiċli biex wieħed jifhem kif dan jista’ jikkorrispondi mal-kliem tal-maniġer tal-komunikazzjoni tagħha li Metsola qatt ma ppretendiet li għandha dottorat.

Stefan Weber, imwieled f’Salzburg u studja l-ġurnaliżmu u x-xjenza tal-kommunikazzjoni fl-Università ta’ Salzburg, kien ħareġ allegazzjonijiet kontra l-politiku Ġermaniż u Viċi Kanċillier Robert Habeck. Ir-rapport ta’ Bild jistaqsi jekk quddiem dak li wieġeb l-uffiċċju ta’ Metsola ifisser li f’dan il-każ mhu se jkun hemm ebda konsegwenzi, l-istess kif ġara meta qajjem il-każ kontra Robert Habeck. Il-Bild tgħid li dań għadu mhux ċar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport