Saturday, December 21, 2024

Allegri jistqarr li kien ikun aħjar li kienu Ronaldo ħalla lil Juventus qabel

Aqra wkoll

Il-coach ta’ Juventus, Massimiliano Allegri, qal li s-suq tat-trasferimenti seta’ kien differenti kieku Cristiano Ronaldo ħalla l-club aktar kmieni dan is-sajf.

Giorgio Chiellini kkritika ż-żmien tar-ritorn ta’ Ronaldo ma’ Manchester United u Allegri żied jgħid li l-Bianconeri setgħu għamlu aktar biex jimlew post is-super stilla Portugiż kieku ma stenniex sat-28 ta’ Awwissu biex jitlaq mill-Allianz Stadium.

“Tgħallimt ħaġa waħda,” qal Allegri. “L-affarijiet li jingħaddu u l-affarijiet li jsiru huma interpretati minn kulħadd.

“Nemmen li Chiellini qal affarijiet pożittivi dwar Cristiano, player straordinarju li kien ta’ unur li kont il-coach tiegħu.

“Huwa normali li fit-28 ta’ Awwissu, tlett ijiem qabel tmiem is-suq tat-trasferimenti, ma jkollokx il-possibbiltà li tissostitwih. Il-club għamel tajjeb li kiseb lil Moise Kean, player li skorja goals importanti u ninsab kuntent bih.”

“Kieku telaq xahar qabel, forsi l-club kien ikollu l-opportunità jaħdem b’mod differenti. Hija biss kwistjoni tas-suq, ma ħolqot l-ebda problemi.”

L-azzjonisti ta’ Juventus appoġġaw il-proġett tas-Super League u Allegri qal li l-president Andrea Agnelli ‘jaf tajjeb ħafna x’għandu jsir’.

“Jien diġà qed niġġieled biex inkun coach, il-president jinsab fuq quddiem, u jaf tajjeb ħafna x’għandu jsir. Nemmen li biex jitjieb l-football u l-kwalità, iridu jittieħdu deċiżjonijiet importanti.”

Il-coach Juventin qal li Inter ‘jibqgħu favoriti’ biex jirbħu l-Iscudetto dan l-istaġun, minkejja li Napoli u Milan qed jiddominaw is-Serie A wara 10 logħbiet.

Huwa tkellem dwar il-miri ta’ Juventus fiċ-Champions League u l-kampjonat domestiku dan l-istaġun.

“Juventus ma jistgħux jistabbilixxu għanijiet, issa għandna biss il-passaġġ għar-round li jmiss fiċ-Champions League qud­diemna,” huwa qal.

“Irridu neħduhom logħba logħba u mbagħad naraw x’kapaċi nagħmlu, l-oħrajn jaħsbu fil-bqija.

“Nemmen li Inter jibqgħu favoriti, iżda Milan u Napoli sejrin tajjeb u għandhom il-kredenzjali kollha biex jirbħu l-kampjonat.

“Imbagħad, fil-football, qatt ma tkun taf kif tista’ tieħu ġirja u tagħlaq id-distakk. Iżda huma affarijiet kollha li ma jikkonċernawx lilna, aħna niffukaw biss fuqna nfusna.”

Ekonomija

Sport