Monday, May 26, 2025

Allert fl-Indja wara li nqaleb vapur li jġorr merkanzija perikoluża

Aqra wkoll

L-istat ta’ Kerala fin-Nofsinhar tal-Indja jinsab fuq allert wara li vapur li kien qed iġorr żejt u merkanzija perikoluża inqaleb u għereq qrib il-belt ta’ Kochi nhar il-Ħadd ‘il barra mill-kosta tal-istat fil-Baħar Għarbi. Il-medda kostali ta’ fejn għereq hija rikka fil-bijodiversità u hija wkoll destinazzjoni turistika importanti.

L-24 membru tal-ekwipaġġ kollha abbord il-vapur ġew salvati membri tal-flotta Indjana wara operazzjoni li damet sigħat. Xi wħud mis-640 container, madankollu, li kien qed iġorr il-vapur allegatament kienu riesqa lejn ix-xatt, u minħabba f’hekk ir-rersidenti taż-żona kellhiom jiġu evakwati.

L-awtoritajiet tal-Istat ta’ Kerala qed jibżgħu li ż-żejt, il-fjuwil u sustanzi oħra perikolużi li nixxew mill-vapur u l-merkanzija tiegħu jistgħu jipperikolaw is-saħħa tar-residenti u l-ħajja tal-baħar.

L-awtoritajiet ħarġu twissijiet lir-residenti li joqogħdu ħdejn il-baħar biex ma jmissux l-ebda kontenitur jew iż-żejt li jista’ jeħel max-xatt, filwaqt li s-sajjieda ntalbu jevitaw li jidħlu qrib wisq tal-lok fejn għereq il-vapur .

Nhar il-Ħadd, l-uffiċjali ntensifikaw il-miżuri ta’ kontroll tat-tniġġis biex irażżnu t-tixrid tant li l-Gwardja tal-Kosta Indjana skjerat vapur li jġorr tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis fis-sit.

Il-bastiment li jġorr l-isem MSC ELSA 3 u jtajjar bandiera tal-Liberja kien qed ibaħħar mill-port ta’ Vizhinjam lejn Kochi beda jmil b’mod perikoluż meta kien madwar 38 mil nawtiku mill-kosta ta’ Kochi. Huwa nqaleb fil-Baħar Għarbi fis-sigħat bikrin tal-Ħadd minħabba li daħal l-ilma f’wieħed mill-kompartimenti tiegħu.

Il-Gwardja tal-Kosta Indjana qalet li l-vapur kien qed iġorr 13-il container ta’ merkanzija perikoluża u 12 oħra bil-karbur tal-kalċju li hi kimika li tirreaġixxi għal-ilma baħar u tipproduċi gass li jaqbad.

Barra minn hekk, il-bastiment kien qed iġorr ukoll 84.44 tunnellata metrika ta diesel u 367 tunnellata metrika ta’ żejt tal-fran fit-tankijiet tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport