Thursday, December 26, 2024

Allokati €1.6 miljun għar-residenza KIDS

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal issiġilla ftehim mal-Fondazzjoni Richmond sabiex tkun tista’ titmexxa r-residenza KIDS f’Santa Venera. Dan il-finanzjament se jkun qed jgħin sabiex jassisti u jagħti għajnuna speċjalizzata, sapport emozzjonali u bażi edukattiva lil tfal bejn is-7 u l-10 snin bi sfidi fl-imġiba. Dan il-ftehim ilaħħaq is-somma ta’ €1.6 miljun fuq medda ta’ 3 snin, u li jkopri sas-sena 2024.

Dawn id-dettalji ngħataw mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon f’konferenza tal-aħbarijiet iktar kmieni llum fejn fisser dan il-ftehim soċjali bħala messaġġ b’saħħtu lejn il-ħarsien tat-tfal, u ħidma bla waqfien sabiex l-ebda tifel u tifla ma jaqgħu lura. Dan speċjalment fid-dawl ta’ sitwazzjoni kumplessa fejn ikun hemm tfal li juru sfidi fi stadju bikri, fl-iżvilupp emozzjonali, soċjali u fl-imġiba tagħhom.

Dan il-Ministeru flimkien mal-Fondazzjoni Richmond u l-entitajiet kollha li jaħdmu f’dan is-settur, speċjalment l-FSWS, jaħdmu flimkien sabiex jissaħħu l-benesseri tat-tfal kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.

F’din ir-residenza jistgħu jgħixu sa massimu ta’ disat itfal li x’aktarx ikunu referuti mill-FSWS wara li jkun sar assessment li jsib illi jkun aħjar li t-tfal jgħixu għal perjodu ta’ żmien, taħt superviżjoni kontinwa, sabiex kemm jista’ jkun jingħataw għajnuna individwali u speċjalizzata. Ħafna drabi t-tfal jesebixxu self-harm, aggressjoni fiżika u mġiba li tista’ tkun ta’ periklu kemm għalihom u dawk ta’ madwarhom.

‘‘Aħna qegħdin hawn biex nagħtu direzzjoni, gwida, imħabba u għożża lil dawn it-tfal, li jispiċċaw f’sitwazzjoni hekk, u nagħmlu dan mingħajr ebda preġudizzju u timbru. Għalhekk se nkomplu noħorġu idejna, u ninvestu kemm hemm bżonn f’riżorsi, sabiex nagħtu dak kollu li hemm bżonn. Jekk ma nagħmlux dan, nkunu fallejna u nqasna mhux biss lil dawn it-tfal iżda lis-soċjeta’ kollha. Kull tifel u tifla jixirqilhom l-aqwa u l-aħjar trobbija. Azzjoni fil-ħin tista’ tbiddel id-direzzjoni ta’ dawn it-tfal’’, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Preżenti għall-dan l-iffirmar kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Mark Musù, flimkien maċ-Chairperson ta’ Richmond Foundation Dr Ivan Mifsud u l-Kap Eżekuttiv ta’ Richmond Foundation Stephania Dimech Sant.

Ekonomija

Sport