Thursday, December 26, 2024

Allokati €4.5 miljun f’għajnuna lill-bdiewa u lir-raħħala

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar l-allokazzjoni ta’ €4 miljun u nofs f’għajnuna ffinanzjata bis-sħiħ minn fondi nazzjonali lill-bdiewa u lir-raħħala, minħabba l-għoli fil-ġwież ikkawżata mill-pandemija u mill-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, kif ukoll l-għoli tal-fertilizzant għall-bdiewa.

Il-fondi se jitqassmu f’€1.5 miljun għall-bdiewa tal-art, €2.5 miljun għar-raħħala u f’April li ġej se tkompli għal sena oħra l-iskema għall-benesseri tal-majjal b’allokazzjoni ta’ €446,000.

B’dawn il-fondi se jibbenefikaw il-bdiewa u r-raħħala Għawdxin u Maltin. B’kollox, se jammontaw għal €12.5 miljun fl-aħħar tliet snin. Dawn l-iskemi jolqtu s-setturi agrikoli lokali kollha u mistennija li jintbagħtu l-applikazzjonijiet lil kull min hu eliġibbli, bil-posta sax-xahar id-dieħel.

Il-Ministru Refalo qal li matul l-aħħar snin, id-dinja ffaċċjat sitwazzjoni bla preċedent, bil-firxa tal-pandemija tal-COVID-19, li ħalliet u għadha qed tħalli diversi impatti negattivi, inkluż ukoll fuq is-settur agrikolu lokali. Minħabba l-interdipendenza tal-provvisti fl-Ewropa fil-qafas dinji tal-kummerċ ħieles, din qed tirriżulta wkoll f’taqlib kbir fil-kummerċ ta’ prodotti essenzjali bħall-qmugħ, u anke inputs neċessarji għall-produzzjoni agrikola, b’mod partikolari fejn jidħlu sorsi ta’ enerġija u fertilizzanti.

Skont rapport tal-Food and Agriculture Organizationtal-Ġnus Magħquda ta’ ftit jiem ilu, il-prezz tal-qamħ laħaq diġà livell li kien ilu 13-il sena ma jidher, fejn dan qiegħed u ser ikompli jirriżulta fi spejjeż dejjem ogħla ta’ produzzjoni f’bosta setturi, b’enfasi fuq iż-żieda enormi fil-prezzijiet tal-ġwież li qed iħallu effett detrimentali fuq ir-raħħala. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-ministeru baqa’ jaħdem biex ikunu jistgħu jinħarġu skemi nazzjonali li jipprovdu għajnuna finanzjarja ulterjuri lill-bdiewa u lir-raħħala bil-għan li jtaffu mill-ispejjeż għolja u n-nuqqas ta’ dħul minħabba dawn id-diffikultajiet.

Il-bdiewa u r-raħħala bdew, u se jkunu qed jirċievu, pagamenti diretti mill-PAK dovuti lilhom fil-jiem u fil-ġimgħat li ġejjin. Dawn il-pagamenti qed jitwettqu aktar kmieni minn snin preċedenti biex jagħtu sostenn ulterjuri fis-sitwazzjoni kurrenti.

Il-Ministru Refalo qal li l-gvern huwa dejjem disponibbli biex jipprovdi appoġġ kontinwu lis-settur Malti u Għawdxi.

Għal aktar informazzjoni dwar dawn l-iskemi u l-pagamenti diretti jista’ jsir kuntatt mal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA), jintbagħat email fuq [email protected] jew iċemplu fuq 22 92 61 48.

Ekonomija

Sport