Saturday, December 21, 2024

Allokati madwar €200,000 għal skemi ta’ għajnuna lill-għaqdiet volontarji u lill-għaqdiet sportivi

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri għal sena oħra nieda żewġ skemi biex ikunu sostnuti l-ħidma u l-operat tal-għaqdiet volontarji u l-għaqdiet sportivi li huma bbażati f’Għawdex.

Il-Ministru Camilleri ħabbar li din is-sena l-Ministeru għal Għawdex qed jerġa’ jalloka €120,000 għall-Iskema ta’ Assistenza għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi tal-Ministeru għal Għawdex u €75,000 għall-Iskema ta’ Promozzjoni ta’ Inizjattivi u Faċilitajiet Sportivi. Huwa spjega li, “Dawn l-iskemi huma intiżi biex il-Ministeru għal Għawdex jassisti lill-għaqdiet volontarji li jkunu se jimplimentaw xi proġett, avveniment jew iwettqu xi inizjattiva b’risq il-komunità Għawdxija u biex isaħħu u jagħtu sostenn lill-volontarjat f’Għawdex.”

F’kull skema l-għajnuna finanzjara li tingħata hija rifużjoni tal-ispejjeż minfuqa. Għal din is-sena ġie deċiż li  tinħareġ sejħa għall-proposti fil-bidu tas-sena u jekk tinħass il-ħtieġa, abbażi d-domanda mis-settur, tinħareġ sejħa oħra matul is-sena. Barra minn hekk, l-għaqdiet volontarji se jingħataw il-fakultà li jwettqu l-proġett/inizjattiva tagħhom fi żmien 12-il xahar mid-data tal-ftehim ta’ għotja.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stieden lill-għaqdiet volontarji biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom fis-sejħiet il-ġodda. Huwa qal li l-għajnuna li qed tkun allokata, kemm permezz ta’ dawn l-iskemi kif ukoll permezz ta’ kwalunkwe skemi oħra li jamministra l-ministeru, hija sinjal ċar ta’ fiduċja fil-ħidma volontarja f’Għawdex u fil-persuni li jsawru l-għaqdiet u li jaħdmu bla heda u mingħajr interessi.

Matul is-sena l-oħra, il-fondi allokati kienu ta’ sostenn effettiv għas-settur tal-volontarjat sabiex il-ħidma tagħhom baqgħet għaddejja. Għall-Iskema ta’ Assistenza għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi tal-Ministeru għal Għawdex tas-sena 2021 applikaw madwar 18-il għaqda volontarja u ġew allokati madwar €90,000. Għall-Iskema ta’ Promozzjoni ta’ Inizjattivi u Faċilitajiet Sportivi tas-sena 2021 kien hemm disa’ applikanti li bejniethom ħadu madwar €45,000.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li għalkemm matul il-pandemija, bosta mill-attivititajiet tħassru jew saru b’mod limitat għall-pubbliku, is-settur tal-volontarjat xorta kompla bil-ħidma tiegħu speċjalment fl-oqsma tas-servizzi u l-appoġġ fis-soċjetà.

Kull min jixtieq japplika għall- Iskema ta’ Assistenza għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi tal-Ministeru għal Għawdex (Ministry for Gozo Non-Governmental Organisations Assistance Scheme) https://vofunding.org.mt/funds/99. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat email fuq [email protected] jew iċempel fuq 2210 0287.

Għall-applikazzjoni tal- Iskema ta’ Promozzjoni ta’ Inizjattivi u Faċilitajiet Sportivi (Promotion of Sports, Initiatives and Facilities Scheme 2022) wieħed għandu jżur: https://mgoz.gov.mt/en/Pages/eForms/Pages%20Schemes%202022/Promotion-of-Sports,-Initiatives-.aspx.

Ekonomija

Sport