Minn Cristian Muscat
Kienet xena li ftit li xejn narawha fuq il-grawnds Maltin, goalkeeper jitla’ fl-aħħar sekondi tal-logħba u jiskorja gowl deċiżiv. Dan il-goalkeeper kien proprju Amara Sylla meta Marsa F.C. salvaw draw ta’ 2-2 kontra Vittoriosa Stars F.C., b’gowl drammatiku fil-ħin miżjud.
Dak il-mument ma kienx biss punt importanti għal Marsa, iżda wkoll mument li jibqa’ mnaqqax fil-memorja tal-plejer innifsu. Dan is-sit ħa din l-okkażjoni sabiex joħodlu l-kummenti tiegħu wara din il-bravura li għamel.
Meta tkellimna ma’ Sylla, beda billi mar lura għall-bidu tal-imħabba tiegħu lejn il-futbol. “Il-familja tiegħi kollha tħobb il-futbol. Minn età żgħira dejjem kont nilgħab. Kien destin li nkun plejer tal-futbol,” qalilna b’ċertezza. Il-logħba kienet parti naturali minn ħajtu, xi ħaġa li trabba magħha u li ffurmat il-karattru tiegħu.
“Missieri hu l-eks plejer ta’ diversi klabbs Maltin fosthom Sliema Wanderers, Gozo FC, Ħamrun Spartans, Hibernians u Msida St Joseph Dybrill Sylla. Hu kien kuntent ħafna b’dak li rnexxieli nagħmel anke għax hu ferm rari li goalkeeper jiskorja.”
Hu qal li ovvjament r-rwol li kellu missieru, dak ta’ attakkant hu differenti minn tiegħu għalkemm kien hu li tah din in-namra lejn dan l-isport.
Dwar għaliex għażel ir-rwol ta’ goalkeeper, ma kellux dubju. “Ir-rwol ta’ goalkeeper dejjem kien jogħġobni. Kont inħobb nara lil Nelson Dida ma’ AC Milan u mat-tim nazzjonali tal-Brażil. Kien ta’ ispirazzjoni għalija.” L-eżempju ta’ Dida, magħruf għall-kalma u l-preżenza tiegħu bejn il-lasti, ħalla marka qawwija fuq Sylla li minn kmieni beda jara lilu nnifsu f’dak ir-rwol.
Naturalment, il-mistoqsija li kulħadd ried jistaqsi kienet dwar il-gowl straordinarju tiegħu fl-aħħar sekondi tal-partita kontra Vittoriosa. Marsa kienu 2-1 minn taħt u kollox kien jidher mitmum. Iżda fl-aħħar azzjoni tal-logħba, Sylla tela’ fl-attakk u rnexxielu jixxuttja fix-xibka għal 2-2.
“Hija ħaġa rari ħafna li goalkeeper jiskorja f’dawk il-minuti tal-logħba,” stqarr b’umiltà.
“Imma jien nittrenja u naħdem bħala atleta għal dawn it-tip ta’ mumenti. Nemmen li fil-futbol m’għandek qatt taqta’ qalbek. L-impossibbli jaf ikun possibbli skont kemm int kapaċi temmen.”
Il-ferħ tiegħu ma kienx biss personali, iżda kollettiv. Dak il-gowl kien simbolu tal-mentalità li qed jipprova jġib fit-tim, speċjalment grazzi għall-kowċ Ryan Fenech, dik li tibqa’ temmen sal-aħħar nifs. “Nħeġġeġ lil kulħadd: taqtgħux qalbkom. Uru min intom verament.”
Meta staqsejnieh dwar l-esperjenza tiegħu ma’ Marsa, Sylla kien ċar: “L-esperjenza tiegħi ma’ Marsa hi waħda pożittiva ħafna.” Minkejja li t-tim jinsab f’pożizzjoni kemxejn diffiċli fil-klassifika, hu jemmen li l-grupp għandu kwalitajiet speċjali.
“Għandna grupp tajjeb ħafna. L-atmosfera fid-dressing room hija waħda magħquda.” F’kampjonat fejn il-pressjoni tista’ tkun kbira, l-għaqda bejn il-plejers tista’ tagħmel differenza enormi.
Minkejja l-isfidi, Sylla jemmen li Marsa qed jimxu fid-direzzjoni t-tajba. “Qed niġbdu ħabel wieħed u se nibqgħu fejn verament ħaqqna. Mhux faċli li tagħti l-aqwa tiegħek dejjem, imma qed nagħtu 100% tagħna.”
It-tragward tagħhom għal dan l-istaġun huwa ċar u realistiku: “Nibqgħu niġġieldu biex nakkumulaw punti. Nemmen li jekk nibqgħu hekk, se nkunu qed nirnexxu. Ovvjament irridu nsalvaw postna fiċ-Challenge League u kapaċi nagħmluha.” Għalih, is-suċċess ma jitkejjelx biss b’pożizzjoni fil-klassifika, iżda bil-progress u l-konsistenza.
Dwar il-kowċ, Ryan Fenech, Sylla kellu biss kliem ta’ tifħir. “Ryan għandu affarijiet tajbin ħafna. Huwa persuna professjonali u dan jiġi naturali fih. Żammna ffukati anke meta kien hemm mumenti fejn il-konċentrazzjoni setgħet tonqos.”
Skont Sylla, il-kowċ għandu potenzjal li jitla’ aktar fil-livelli tal-futbol Malti. “Jekk jibqa’ jirsisti u jaħdem kif qed jagħmel, jista’ jasal livell ogħla.” F’dinja fejn il-kritika hija komuni, dan il-kliem juri rispett u fiduċja sħiħa.
Meta tkellimna dwar il-livell tal-futbol Malti, Sylla wera ottimiżmu kawt. “Nemmen li ġejna għall-aħjar. Hemm affarijiet li jistgħu jsiru, imma bil-mod il-mod mexjin ’il quddiem.”
Ir-rigward tar-riżorsi u l-grawnds, huwa jemmen li hemm spazju għal titjib. Madankollu, ma jużax dan bħala skuża. Għalih, il-professjonaliżmu jibda mill-mentalità tal-plejer, mhux biss mill-faċilitajiet biss.
Meta mistoqsi dwar il-futur tiegħu, Sylla ma ħebiex l-ambizzjoni tiegħu. “Nimmira li nilgħab mat-tim nazzjonali. Se nibqa’ niġġieled u nittrenja bis-saħħa. Iċ-ċans jaf jiġi, u rrid inkun lest għalih.”
Din hija mentalità ta’ plejer li jaf li xejn ma jiġi waħdu. Il-ħolma tat-tim nazzjonali mhijiex biss aspirazzjoni, iżda mira li qed jaħdem għaliha kuljum. “Nibqa’ professjonali u dedikat għal meta jiġi l-mument.”
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Sylla għadda messaġġ ċar lil dawk kollha li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol. “Trid tissielet kontra l-kurrent xi kultant imma jekk temmen fik innifsek u jkun hemm direzzjoni u l-persuni t-tajba, dan il-mument jasal ukoll. Fil-futbol kollox possibbli. Jien emmint fija nnifsi u issa qed nara r-riżultati.”
Il-gowl tiegħu fil-96 minuta mhuwiex biss għall-fini tal-istatistika; huwa simbolu ta’ perseveranza. Huwa mument li jfakkar li l-logħba ma tispiċċax sakemm is-suffara tar-referee ma tinstemax, u li anke goalkeeper jista’ jsir eroj.
F’karriera li għandha quddiemha ħafna kapitli x’jinkitbu, Amara Sylla diġà kiteb wieħed memorabbli. U jekk il-mentalità tiegħu tibqa’ dik li wera f’dik il-lejla drammatika, hemm ċans kbir li narawh jikteb aktar stejjer ta’ suċċess kemm ma’ Marsa kif ukoll, forsi xi darba, mat-tim nazzjonali Malti.

