Saturday, January 11, 2025

Ambaxxaturi Żgħażagħ Maltin Jispikkaw f’Kompetizzjoni Internazzjonali tal-Apikultura f’Dubaj

Aqra wkoll

Diċembru normalment ikun xahar kwiet għan-naħħala f’Malta, b’inqas xogħol man-naħal u iktar preparamenti għar-Rebbiegħa.. Kien iż-żmien ideali biex wieħed mill-amministraturi tagħna, is-Sur Jorge Spiteri, imexxi u jagħti sostenn lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ naħħala Maltin.

Tlett studenti tal-Bijoloġija tal-Livell Avvanzat mill-Giovanni Curmi Higher Secondary School ġew magħżula biex jirrappreżentaw lil Malta fit-13-il Laqgħa Internazzjonali tan-Naħħala Żgħażagħ (IMYB) f’Dubaj, l-Emirati Għarab Magħquda. Magħhom kien hemm l-edukatur tagħhom, is-Sinjura Maria Lourdes Attard, li kellha rwol ewlieni fil-preparazzjoni tat-tim, bi gwidi fil-promozzjoni ta’ prodotti tal-għasel u dwar kif jistgħu jindirizzaw b’kunfidenza il-preżentazzjonijiet tagħhom.

Dan l-avveniment, li sar bejn it-18 u l-22 ta’ Diċembru 2024, laqqa’ flimkien l-iktar naħħala żgħażagħ promettenti jew prospettivi, minn 20 pajjiż minn ħames kontinenti biex jaqsmu l-kulturi, l-għarfien, u l-innovazzjonijiet tagħhom waqt kompetizzjoni bi spirtu ta’ ħbiberija.

L-edizzjoni tas-sena l-oħra tal-IMYB fis-Slovenja kienet ukoll pass importanti għal Malta, fejn tliet studenti mis-sekondarja tal-Kulleġġ ta’ San Pawl Missjunarju, ir-Rabat, kisbu riżultati eċċellenti. Din is-sena, il-Fondazzjoni Żgħażagħ fl-Agrikoltura Malta (MaYA VO 0823) ressqet flimkien delegazzjoni oħra ta’ entużjasti tal-apikultura ta’ bejn l-11 u s-17-il sena biex iservu bħala ambaxxaturi ta’ Malta fuq din il-pjattaforma internazzjonali.

B’għajnuna mill-Giovanni Curmi Higher Secondary School, it-tim Malti kiseb l-ogħla premji fil-Kompetizzjoni tal-Pajjiżi għan-narrattivi konvinċenti tagħhom dwar l-għasel Malti ppreżentat u s-soluzzjonijiet għall-isfidi li jiffaċċjaw in-naħal u n-naħħala f’reġjuni xotti. Membri individwali tat-tim irnxxielhom jiddistingwu ruħhom aktar billi kisbu postijiet tad-Deheb u tal-Bronż f’oqsma teoretiċi u prattiċi.

Lil hinn mill-kompetizzjoni, l-esperjenza tal-IMYB offriet lil dawn l-istudenti żgħażagħ opportunitajiet imprezzabbli biex jiżviluppaw ħiliet fil-promozzjoni u ppakkeġjar, u ħeġġithom lejn mentalità inprenditorjali hekk kif esploraw modi innovattivi biex jippreżentaw u jippromwovu l-għasel Malti għal udjenza globali. L-avveniment jiffoka kontinwament fuq il-konnessjonijiet bejn il-kulturi, jispira ideat ġodda, u jgħin lill-parteċipanti jiskopru l-potenzjal tagħhom.

Il-Fondazzjoni MaYA tirringrazzja lil VisitMaltaWellbee’s Supermarket, u Safi għall-appoġġ imprezzabbli tagħhom li għamlu possibbli l-parteċipazzjoni tad-delegazzjoni Maltija din is-sena.

Ir-rappreżentanti Maltin kienu wkoll megħjuna mill-ambaxxatur kulturali it-Tenur Joseph Calleja, li ta kontribut b’diversi modi, speċjalment permezz tat-twemmin tiegħu fil-potenzjal ta’ Malta u l-wirt dejjiemi tagħha fl-apikultura. F’isem it-Tim ta’ Malta, il-MaYA tirringrazzja wkoll lis-Sur Jiří Píza, president taċ-Ċentru Internazzjonali għan Naħħala Żgħażagħ (ICYB), u lit-tim tal-Fondazzjoni Naħħala tal-UAE talli pprovdew lil Malta b’opportunità oħra biex tiddistingwi ruħha fuq din il-pjattaforma prestiġjuża.

Dwar il-Fondazzjoni MaYA

Il-Fondazzjoni Żgħażagħ fl-Agrikoltura Malta (MaYA) twaqqfet fl-2014 biex taħdem għall-interessi taż-żgħażagħ fil-gżejjer Maltin li jikkontribwixxu lejn agrikoltura sostenibbli. Għal aktar tagħrif dwar il-missjoni tal-Fondazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-ambjent, is-soċjetà u l-governanza (ESG) matul dawn l-aħħar għaxar snin, żur maya.org.mt/10-years.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport