Ambjent edukattiv ġdid għall-istudenti tal-Iskola Primarja ta’ Kerċem

-  Investiment ta’ €3.2 miljun fi skola aktar moderna, aċċessibbli u komda

Aqra wkoll

L-istudenti tal-Iskola Primarja ta’ Kerċem se jibdew is-sena skolastika f’ambjent edukattiv ġdid, modern u aktar aċċessibbli, wara investiment ta’ madwar €3.2 miljun. Il-proġett se jwassal fost l-oħrajn għal skola bl-arja kkundizzjonata, aċċessibbli permezz ta’ lift ġdid, bi spazji edukattivi u rikreattivi mtejba u b’infrastruttura moderna.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, żaru l-iskola fejn segwew l-aħħar fażijiet tax-xogħlijiet li qed jitwettqu mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), hekk kif il-proġett riesaq lejn it-tlestija tiegħu.

L-Iskola Primarja ta’ Kerċem tinsab f’binja ta’ żewġ sulari li nbniet fl-1921 u hija mifruxa fuq madwar 1,200 metru kwadru. Il-proġett qed jimmodernizza din il-binja filwaqt li jadattaha għall-ħtiġijiet tal-istudenti u l-edukaturi tal-lum.

Il-Ministru Camilleri qal li l-proġett f’Kerċem huwa parti mill-ħidma biex it-tiġdid tal-infrastruttura edukattiva jwassal għal titjib konkret fl-esperjenza ta’ kuljum tal-istudenti u l-edukaturi.

“Skola li ilha taqdi lill-komunità għal aktar minn 100 sena llum qed tiġi mġedda biex tkompli tagħmel dan għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Imma l-għan tagħna mhuwiex sempliċiment li nġeddu l-binjiet. Irridu ntejbu l-esperjenza edukattiva ta’ kuljum, b’ambjent fejn l-istudenti jħossuhom komdi, siguri, u fejn l-edukaturi jkollhom il-kundizzjonijiet li jgħinuhom jagħmlu xogħolhom bl-aħjar mod. L-investiment f’Kerċem huwa eżempju ta’ kif qed inġeddu l-infrastruttura edukattiva tagħna skont il-ħtiġijiet tal-lum, filwaqt li nassiguraw li kull student, f’Malta u f’Għawdex, ikollu l-kundizzjonijiet li jixraqlu biex jitgħallem u jiżviluppa,” qal il-Ministru Camilleri.

Bħala parti mill-proġett, l-ispazji miftuħa u rikreattivi qed jiġu ddisinjati mill-ġdid, filwaqt li qed jinħolqu wkoll spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti extra-kurrikulari, filwaqt li ż-żoni rikreattivi fuq barra qed jiġu mtejba b’uċuħ li ma jiżolqux u truf artifiċjali.

Il-proġett jinkludi wkoll l-installazzjoni ta’ sistema ta’ arja kkundizzjonata fl-iskola flimkien ma’ servizzi ġodda tad-dawl, ilma u drenaġġ, konnettività tal-internet, kameras u alarms tas-sigurtà, kif ukoll sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nirien. Qed jiġu introdotti wkoll miżuri biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li l-investiment fl-Iskola Primarja ta’ Kerċem se jkun qed iħalli impatt dirett fuq it-tfal, il-familji u l-komunità tal-lokalità. “Wara li tul l-aħħar snin lestejna l-iskola primarja tan-Nadur, kif ukoll dik Middle u Primarja r-Rabat Għawdex, din is-sena jmiss li t-tfal Kerċmin jidħlu ġewwa l-iskola primarja ġdida, hawnhekk ġewwa Ta’ Kerċem u dan wara investiment ta’ €3.2 miljun fejn prattikament din l-iskola ġiet stripped għal stat shell form u saru x-xogħlijiet kollha mill-qiegħ. Ħadna ħsieb sabiex l-istudenti baqgħu jattendu wkoll ġewwa din l-iskola anki waqt li x-xogħlijiet kienu għaddejjin u għaldaqstant, se nkunu qegħdin inħarsu ’l quddiem sabiex it-tfal Kerċmin ikunu qed jidħlu fi skola tal-ogħla livell hekk kif tibda sena skolastika ġdida,” stqarr il-Ministru.

Matul ix-xogħlijiet, it-tagħlim baqa’ jingħata fi klassijiet temporanji fl-istess sit tal-iskola. Dan sar sabiex ix-xogħol ikun jista’ jitwettaq b’ritmu mgħaġġel u b’mod sigur, filwaqt li l-istudenti setgħu jibqgħu jitgħallmu fl-istess ambjent skolastiku li huma mdorrijin fih.

Maria Cutajar, Head Contracts Management fi ħdan il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), spjegat li wara x-xogħol estensiv li sar, l-istudenti se jirritornaw għal ambjent skolastiku sostanzjalment differenti minn dak li kienu jafu qabel. “Dan hu proġett ieħor, b’investiment kbir mill-FTS, fejn wettaqna t-tisbiħ estensiv ta’ din l-iskola li llum għandha madwar mitt sena. Fil-bidu tas-sena skolastika l-ġdida li se tibda dan ix-xahar, it-tfal se jidħlu fi skola kompletament differenti minn dik li jiftakru. Skola li se tkun ħafna isbaħ, bl-arja kkundizzjonata, aċċessibbli għat-tfal kollha permezz ta’ lift li installajna, b’sala sabiħa, u b’bitħa kbira miksija kollha kemm hi bit-truf artifiċjali u l-lastiku,” qalet Cutajar.

Cutajar żiedet li l-istudenti se jkunu qed jitgħallmu f’ambjent aktar komdu u sigur, filwaqt li fissret is-sodisfazzjon ta’ dawk kollha li ħadmu fuq il-proġett li jaraw lit-tfal jidħlu fl-iskola mġedda għall-ewwel darba.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport