Saturday, December 21, 2024

Ambjent Malta se tqassam żerriegħa tas-siġar indiġeni lill-istudenti tal-iskejjel primarji

Aqra wkoll

Skema ġdida minn Ambjent Malta (AM) ser tkun qed tħeġġeġ studenti tas-Snin 4, 5 u 6 fi skejjel tal-gvern, privati u tal-knisja biex flimkien iħawlu siġra fil-21 ta’ Marzu biex jiġi ċċelebrat il-bidu tar-rebbiegħa.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima.

L-istudenti se jingħataw pakkett ta’ żerriegħa (li fosthom hemm is-siġra ta’ Ġuda, siġret il-Virgi, siġra taċ-Ċipress, is-siġra taż-Żnuber, u s-siġra tal-Għargħar) u se jiġu mħeġġa jħawlu u jsaqqu s-siġra tagħhom. Se jingħatalhom ukoll materjal edukattiv biex ikunu jistgħu jitgħallmu dwar l-importanza tas-siġar.

Il-Ministru Farrugia spjega li dawn is-siġar indiġeni se jgħinu biex il-bijodiversità lokali tgħix u titkattar: bijodiversità li tipprovdi l-ikel u kenn għal annimali bħal għasafar u friefet filwaqt li ssostni l-ekosistemi lokali. Dawn is-siġar huma ideali għall-klima u l-ħamrija ta’ pajjiżna, u wara li jiġu mħawla jirrikjedu ħafna inqas ilma u fertilizzant minn siġar li mhumiex lokali.

Il-Ministru Farrugia faħħar il-fatt li fl-2021, Ambjent Malta kisret rekord ieħor tal-aħħar snin hekk kif ħawlet total ta’ 24,752 siġra u arbuxell. Din hija żieda fuq is-snin 2018, 2019 u 2020, meta tħawlu 10,185; 20,286, u 21,808 siġra rispettivament. “Komplejna nimplimentaw proġetti ħodor u innovattivi madwar pajjiżna: biex nipproteġu l-ambjent ta’ madwarna, nħaddru ż-żoni urbani tagħna permezz ta’ ġonna u green walls, flimkien ma’ inċentivi għal proġetti ħodor u iktar tħawwil ta’ siġar. Ħarsitna trid tibqa’ fuq l-isfidi li għandna quddiemna, bħall-kwalità tal-ħajja u t-tibdil fil-klima, filwaqt li nżommu f’moħħna l-benesseri tal-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri, kif ukoll il-legat li se nħallu warajna”, qal il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima qal li permezz tal-edukazzjoni qegħdin niżguraw li l-istudenti tagħna jingħataw aktar possibilitajiet biex iwessgħu l-għarfien tagħhom lil hinn mill-aspett tradizzjonali tal-edukazzjoni billi nipprovdulhom l-għodda neċessarja li permezz tagħha huma jistgħu jiksbu għarfien dwar suġġetti varji, inkluż l-ambjent.

“Malta tinsab fuq quddiem fil-promozzjoni ta’ ħarsa wiesgħa u ħolistika lejn l-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli (ESD) li parti integrali minnha huwa l-programm Ekoskola. Nieħu gost nara l-iskejjel u t-tfal tagħna jipparteċipaw f’dan il-programm, b’hekk permezz tal-ħidma tagħna fl-iskejjel inkomplu nwessgħu l-kuxjenza dwar l-ambjent u l-importanza ta’ ambjent sostenibbli”, kompla l-Ministru Grima.

Huwa qal ukoll li fl-iskejjel il-ġodda li qed jinbnew u wkoll dawk li qed jiġu rranġati qed jingħata aktar spazju lill-ambjent, filwaqt li faħħar din l-inizjattiva li se tkompli tqanqal l-interess ta’ uliedna fl-ambjent ta’ madwarhom.

Ekonomija

Sport