Meta wieħed jitkellem fuq l-ambjent ma jistax ma jiftakarx fi frażi importanti ta’
Chief Seattle li darba stqarret li “d-dinja ma tappartjenix lilna: aħna
nappartjenu lid-dinja”.
B’din il-premessa kull gvern u fuq kollox, kull individwu jrid jaġixxi. Jaġixxi b’responsabiltà fid-deċiżjonijiet tiegħu. Fl-aġir tiegħu lejn il-ġenerazzjoni tal-lum u wisq aktar ta’ għada. Iva, għax l-ambjent huwa patrimonju misluf lilna biex ingawduh b’responsabbiltà.
Għalhekk huwa kruċjali li kull pass u kull miżura li l-Gvern Malti jieħu favur l-ambjent għandhom ikunu fil-kuntest tal-miri ambjentali stabiliti fil-ftehim ta’ Pariġi biex l-emissjonijiet jilħqu ż-żero nett sal-2050, imma mhux biss. Għandu
jkun ukoll bil-premessa li ambjent nadif huwa dritt fundamentali tiegħek u tiegħi.
F’dan il-kuntest, ma nistgħux ma nsemmux li jumejn ilu twaqqfet uffiċjalment l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima, li permezz tagħha pajjiżna se jkompli jibgħat messaġġ b’saħħtu dwar l-impenn tagħna u l-isforzi kollettivi li ttieħdu u li għadhom jittieħdu f’dan il-qasam.
Għandna għalfejn nemmnu li din l-Awtorità se tkun qed tħares lejn l-interessi tiegħi, tiegħek u talpajjiż u li se jkollha l-kompetenza wkoll li dan l-isforz kollettiv ikun wieħed effettiv, ekonomikatment effiċjenti u konformi ma’ politiki u miri internazzjonali.
Bla dubju l l-pubbliku se jkollu rwol importanti. Dan għaliex l-istess Awtorità se
tkun qiegħda taħdem sabiex tqajjem kuxjenza u toħloq aktar għarfien fost il-pubbliku dwar it-tibdil fil-klima u l-miżuri meħtieġa li jistgħu jikkumbattu l-effetti tagħha.
Din se tara li timplimenta qafas legali, tfassal u toħloq liġijiet nazzjonali u internazzjonali biex tindirizza din l-isfidi kif ukoll li tirrapporta l-progress ta’ pajjiżna dwar l-azzjonijiet u l-miżuri biex ikunu mitigati l-problemi kkawżati mit-tibdil fil-klima.
Għalhekk nittamaw li l-inċentivi u l-proġetti li qiegħed joffri l-Gvern u dawk li għad irid joffri jkunu effettivi u jilħqu l-iskop tagħhom. Altrimenti, ma jkunu jwasslu mkien jekk ma jkunx hemm il-koperazzjoni wkoll tal-pubbliku.
Għalhekk, jekk aħna lkoll bħala poplu naħdmu flimkien fil-qasam ambjentali, pajjiżna mhux biss jilħaq l-obbligi Ewropej tiegħu imma wkoll aħna ċ-ċittadini ngħixu ħajja aħjar fil-ġejjieni.