F’Mejju li ġej, it-tearu nazzjonali se jiftaħ il-bibien tiegħu għad-dinja kurjuża u mimlija seħer ta’ Amélie Poulain. Il-kumpanija Revamp MT flimkien mat-Teatru Manoel qed itellgħu Amélie – The Musical b’numru limitat ta’ wirjiet fuq il-palk lokali.
Il-produzzjoni se tittella’ bejn it-8 u s-17 ta’ Mejju 2026, u teħodna fit-toroq ikkuluriti ta’ Montmartre f’Pariġi. Hawnhekk niltaqgħu ma’ karattri eċċentriċi, mumenti ta’ umoriżmu u fantasja, ilkoll imwassla b’mużika mill-isbaħ li tħalli impatt qawwi fuq dan l-ispettaklu.
Il-musical huwa ispirat mill-film ta’ Jean-Pierre Jeunet, li kiseb popolarità kbira fl-2001. Il-verżjoni teatrali kisbet suċċess madwar id-dinja għall-mod kreattiv u sensittiv kif tirrakkonta l-istorja. L-iskript huwa ta’ Craig Lucas, b’mużika ta’ Daniel Messé, u lirika ta’ Nathan Tysen u Messé.
Taħt id-direzzjoni ta’ Dorothy Bezzina u b’direzzjoni mużikali ta’ Edward Mifsud, il-produzzjoni tlaqqa’ tim kreattiv lokali li jinkludi lil Matthew Cassar bħala disinjatur tas-sett u l-kostumi, Raphael Pace bħala koreografu, Mohamad Ali ‘Dali’ Aguerbi u Sergio Costa responsabbli mid-dawl u l-ħoss rispettivament, u Teatru Anon għall-ħolqien tal-pupazzi.
Fil-parti ta’ Amélie nsibu lil Christina Despott, flimkien ma’ Luigi Buhagiar, Paul Portelli, Stephen Oliver, Natassja Chapman, Gianluca Cilia u Lawrence Gray, li jiffurmaw parti minn kast li l-ħila mużikali u l-versatilità tiegħu jagħtu ħajja lill-istorja fuq il-palk.
Element distintiv ta’ din il-produzzjoni huwa l-preżenza ta’ atturi-mużiċisti li d-daqq tagħhom jifforma parti integrali mill-azzjoni, b’karattri differenti marbuta ma’ ħsejjes partikolari. Id-dinja viżiva tal-ispettaklu hija ispirata mill-istil eleganti tal-Art Nouveau tal-Metrò ta’ Pariġi.
Waqt il-konferenza d-Direttur Artistiku tat-Teatru Manoel, Is-Sur Adrian Mamo, stqarr, “Ninsab tassew kuntent li qed naħdmu flimkien mal-kumpanija kreattiva Revamp MT. F’Mejju li ġej Amélie se tasal fuq il-palk tagħna. Hija storja li tfakkarna fil-qawwa ta’ atti żgħar ta’ tjubija li jistgħu jbiddlu l-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna. Nistiednu lill-udjenzi jingħaqdu magħna għal produzzjoni meraviljuża u mimlija maġija.”
Tul is-snin, Revamp MT bniet reputazzjoni b’saħħitha fit-tlugħ ta’ produzzjonijiet ambizzjużi u ta’ kalibru fil-qasam tal-musical theatre f’Malta, fosthom il-produzzjoni The Band’s Visit, li ttellgħet fit-Teatru Manoel, kif ukoll School of Rock – The Musical. B’Amélie, il-kumpanija tkompli tafferma l-impenn tagħha biex ittella’ produzzjonijiet uniċi u magħrufa internazzjonalment li jistgħu jitgawdew mill-udjenzi Maltin.
“Dejjem konna miġbudin lejn musicals li joffru xi ħaġa differenti,” tgħid id-direttriċi Dorothy Bezzina. “Amélie hija produzzjoni tassew kreattiva, mill-użu tal-pupazzi sal-kollaborazzjoni ma’ atturi-mużiċisti, b’akkumpanjament mużikali l-ġmiel tiegħu. Tassew Inħossuna xxurtjati li qed naħdmu ma’ kast versatili u mimli riżorsi, li jagħmel produzzjonijiet bħal din possibbli. Kuntenti ħafna wkoll li qed nikkollaboraw mat-Teatru Manoel fuq produzzjoni li, għalkemm forsi mhix magħrufa wisq, hija affaxxinanti u tqanqal kurżità partikolari.”
Din il-produzzjoni qed tiġi ppreżentata b’kollaborazzjoni bejn it-Teatru Manoel u Revamp MT, bl-appoġġ ta’ Creative Europe Desk Malta u l-Ambaxxata ta’ Franza f’Malta.
Il-biljetti huma disponibbli minn www.teatrumanoel.mt jew billi ċċempel il-Box Office ta’ Teatru Manoel fuq +356 2124 6389.

