Tuesday, April 30, 2024

Amerikan imfittex fuq allegat frodi ta’ $50 miljun jingħata l-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Raġel li huwa mfittex mill-awtoritajiet Amerikani fuq allegat frodi ta’ $50 miljun ħareġ mill-Qorti liberu wara li Maġistrat li semgħet il-kawża tiegħu ħelsitu mill-arrest.

Frank Salvatore Rafaraci ta’ 68 sena u li għandu passaport Amerikan u ieħor Taljan, qed ikun imfittex sabiex jgħaddi proċeduri b’rabta ma’ allegat tixħim, assoċjazzjoni fuq frodi lill-Gvern Amerikan u assoċjazzjoni ta’ ħasil ta’ flus. 

Huwa tressaq il-Qorti t-Tnejn waranofsinhar wara li kien arrestat f’Malta wara operazzjoni konġunta bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk Amerikani. 

Il-prosekuturi qalu lill-Qorti li qed ifittxu li jestradixxu lill-imputat lejn l-Istati Uniti. Iżda filwaqt li Rafaraci se jaffaċċja proċeduri ta’ estradizzjoni l-ġimgħa d-dieħla huwa se jagħmel dan bħala raġel ħieles wara li l-Avukati tiegħu indikaw sensiela ta’ nuqqasijiet proċedurali fil-mod kif ġie arrestat u mressaq il-Qorti. 

L-Ispettur Omar Zammit xehed li fl-24 ta’ Settembru, l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali informah li l-awtoritajiet Amerikani talbu li jinħareġ mandat ta’ arrest kontra Rafaraci.

Mandat ta’ arrest lokali nħareġ l-għada s-Sibt u kien iffirmat mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. L-Ispettur qal li Rafaraci ġie Malta l-Ħadd li għadda u kien se jitlaq mill-pajjiż l-għada. Il-Pulizija intraċċawh f’lukanda f’San Ġiljan u kkonfiskawlu żewġ mobiles u laptop.

Il-Prosekuturi ppreżentaw fil-Qorti mandat ta’ arrest maħruġ minn qorti distrettwali f’Columbia, ġewwa l-Istati Uniti. Iżda l-Avukat Difensur Giannella de Marco nnotat li skont il-liġi lokali, persuna mfittxija biex taffaċċja proċeduri barra l-pajjiż jista’ jkun arrestat biss jekk huma riedu li jaffaċċja akkużi kriminali, jew tkun ġiet ikkundannata għal reat.

F’dan il-każ, l-imputat kien is-suġġett ta’ lment kriminali magħmul mill-aġent ta’ infurzar tal-liġi tal-Istati Uniti bl-isem ‘De La Poena’. “Ilment mhijiex akkuża iżda hi simili għal talba għal inkjesta maġisterjali,” żiedet tgħid l-Avukat.

L-Avukat Difensur Stefano Filletti qal li filwaqt li d-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti kienu talbu għall-arrest tar-raġel fuq il-bażi ta’ lment kriminali, l-estradizzjoni f’Malta hi rregolata mil-leġiżlazzjoni lokali. Huwa qal li kwalukwe talba bħal din li tasal minn awtorità lokali, bħall-Avukat Ġenerali, tista’ tiġi eżegwita biss jekk tkun konformi mal-liġijiet lokali. 

Min-naħa tagħhom, il-Prosekuturi qalu lill-Qorti li De La Poena kien preżenti u jistgħu jikkonfermaw l-ilment miegħu. Iżda rriżulta li l-aġent Amerikan kien bilqiegħda fl-awla u sema’ dak kollu li kien qed jingħad fil-Qorti u għalhekk ma setgħax jinġieb bħala xhud fil-każ.

L-Avukat Difensuri nnutaw ukoll li d-dokumenti li kienu ppreżentati fil-Qorti la kienu oriġinali u lanqas awtentiċi kif mitlub mil-liġi. Il-Prosekuzzjoni argumentat li dan kien minħabba l-urġenza tal-każ minħabba li Rafaraci kien Malta biss għal perjodu ta’ 24 siegħa. “Jekk m’għandekx ħin u m’għandekx id-dokumenti meħtieġa tarrestax nies,” weġibhom l-Avukat Filletti.

Wara sottomissjonijiet twal, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace kkonkludiet li Rafaraci kellu jinħeles mill-arrest. It-talba għall-estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti se tibda tinstema’ fl-4 ta’ Ottubru. 

Għal Rafaraci deher ukoll l-Avukat Mark Refalo. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Robinson Mifsud u Omar Zammit mit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali.

Sport