Amerikana li tinsab mixlija b’omiċidju u bi tqattigħ ta’ persuna, ilbieraħ ħebbet għall-avukat tagħha stess waqt li kienet preżenti għas-smigħ tal-każ tagħha. Marixxall flimkien ma’ żewġ uffiċjali oħra intervjenew biex jikkalmaw lil Schabusiness. Ftit mumenti wara hija dehret kalma, bilqiegħda mal-art.
Taylor Schabusiness, mara ta’ 25 sena, qed tkun akkużata li fi Frar tas-sena l-oħra stuprat persuna, qatlitha, u qattgħet l-istess katavru f’partijiet żgħar.
Il-Qorti semgħet kif l-akkużata, allegatament għallqet lil Shad Thyrion, raġel ta’ 25 sena, waqt attività sesswali, qattgħet il-katavru tiegħu biċċiet u ħbiethom f’dar u f’karozza. Il-Pulizija qalu li sabu ras il-vittma f’barmil fil-kantina ta’ dar.
Hija ċaħdet l-akkużi miġjuba kontriha. Bħalissa tinsab fuq libertà proviżorja b’garanzija ta’ $2 miljun sakemm jerġa’ jinstema’ l-każ f’Mejju li ġej.
Quinn Jolly huwa l-avukat li qed jidher għall-akkużata. Min-naħa tiegħu, l-avukat ta’ Schabusiness qal li beħsiebu jitlob biex ma jibqax jirrappreżenta lil Schabusiness wara l-episodju tal-bieraħ.
Il-każ instema’ quddiem l-Imħallef Thomas Walsh.