Friday, November 15, 2024

Amerikana tirbaħ kompetizzjoni tal-aqwa daqna artifiċjali

Aqra wkoll

Koppja Amerikana li ilha tieħu sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali tad-daqna għal dawn l-aħħar tmien snin, għadha kemm kellha suċċess hekk kif il-mara ġiet fl-ewwel post tal-kategorija tad-daqna artifiċjali (minħabba li ma tikbirx bi proċess naturali), magħrufa aħjar bħala ‘realistic freestyle category’.

Natali u żewġha Aaron ilhom mill-2015 iduru minn pajjiż għall-ieħor sabiex jieħdu sehem f’diversi f’kompetizzjonijiet tad-daqna, tant li sal-lum il-ġurnata ħadu sehem f’madwar 170 kompetizzjoni.

Kien fl-2014 meta f’Aaron tnisslet ix-xewqa li jibda jieħu sehem f’dawn il-kompetizzjonijiet wara li segwa l-programm televiżiv ‘Whisker Wars’. Mis-sena ta’ wara ħadet sehem fl-ewwel kompetizzjoni u minn hemm baqgħu jieħdu sehem f’għadd ta’ kompetizzjonijiet sena wara l-oħra, iżda jikkompetu f’kategoriji differenti.

Għalkemm meta nsemmu l-kelma ‘daqna’ mal-ewwel jiġina f’moħħna raġel bħala parteċipant f’kompetizzjonijiet bħal dawn, kienet mara li ġiet fl-ewwel post. Però, hawnhekk ta’ min niċċaraw xi punti importanti, fosthom li Natali ma kabbritx id-daqna tagħha b’mod naturali għall-aħħar.

F’kumment li tat Natali, hija qalet li fil-kategoriji li tikkompeti fihom hi, persuna tista’ toħloq ‘daqna’ magħmula minn xiex trid. Għalkemm hija toħloq id-daqna minn xagħar sintetiku u/jew xagħar reali, hija fissret li tista’ anki tinħoloq minn oġġetti tal-kċina jew saħansitra minn oġġetti tal-ikel bħalma hu l-bacon! “Jistgħu jinħolqu minn kollox diment li jkunu f’forma ta’ daqna,” qalet Natali.

Ekonomija

Sport