Matul ix-xahar li għadda l-ammont ta’ deforestazzjoni li seħħet ġewwa l-foresta Amazon fil-Brażil kienet tisboq bil-ħafna iktar id-deforestazzjoni li seħħet fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Skont dejta mis-satelliti, jidher li ż-żona meqruda f’Jannar kienet ħames darbiet iktar minn dik tal-2021. Dan kien l-ikbar ammont ta’ siġar meqruda f’Jannar mill-2015 ’il hawn.
L-ambjentalisti qed jakkużaw lill-President tal-Brażil Jair Bolsonaro li qiegħed jippermetti li d-deforestazzjoni tiżdied b’ritmu mgħaġġel. L-ambjentalisti qed jisħqu li l-protezzjoni tal-Amazon hija essenzjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Is-sigar f’din il-foresta qed jinqatgħu biex jittieħed l-injam tagħhom u biex kumpaniji kbar tal-ikel ikunu jistgħu jħawlu iktar pjanti ħalli jipproduċu iktar u jlaħħqu mad-domanda globali.
Fis-summit tal-COP26 ġewwa Glasgow li sar is-sena li għaddiet, iktar minn 100 pajjiż wiegħdu li jwaqqfu u jreġġgħu lura d-deforestazzjoni sal-2030.

