Sunday, December 22, 2024

Amnesty International toħroġ apoloġija dwar rapport li rrabja ferm lill-Ukrajna

Aqra wkoll

Amnesty International ħarġet apoloġija “għar-rabja u ansjetà” li ħoloq ir-rapport li ppubblikat nhar il-Ħamis li għadda. F’dan ir-rapport Amnesty qalet li l-Ukrajna qiegħda tpoġġi f’riskju liċ-ċittadini tagħha, u din kienet stqarrija li rrabjat bil-bosta lill-Presi­dent Ukren Volodymyr Zelenskiy u wasslet ukoll għar-riżenja ta’ uffiċjal għoli Ukren. 

Fir-rapporti li kien ippubblikat il-ġimgħa li għaddiet, Amnesty qalet li l-preżenza ta’ truppi Ukreni f’żoni resi­denzjali qegħdin ippoġġu f’riskju liċ-ċittadini Fi tweġiba bl-email li Amnesty bagħtet lil Reuters qalet li huma jiddispjaċihom ħafna għar-rabja u l-ansjetà li qajmet l-istqarrija għall-istam­pa dwar it-tattika li l-armata Ukrena qiegħda tuża.

Fl-email Amnesty International kompliet tgħid li, “il-prijorità tagħna f’dan u f’diversi kunflitti oħrajn huwa li niżguraw li ċ-ċittadini jkunu protetti. Dan kien l-uniku objettiv tagħna meta ħriġna din ir-riċerka. Filwaqt li aħna nibqgħu nsostnu dak li rriżulta mir-riċerka, aħna jiddispjaċina tal-uġigħ li din ikkawżat.”

Min-naħa tiegħu, il-Pres­dent Ukren Zelenskiy akkuża lil din l-organizzazzjoni li qiegħda tipprova tneħħi r-res­ponsabbiltà tal-aggres­s­jo­ni minn fuq ir-Russja. Apparti hekk, il-kap ta’ Amnesty ġewwa l-Ukrajna, Oksana Pokalchuk, irriżenja ftit wara dan ir-rapport hekk kif skontu dan ma kien xejn għajr “rigal ta’ propaganda lir-Russja.” L-Ukrajna żiedet tgħid li qiegħed isir dak kollu possibbli biex iċ-ċittadini jiġu evakwati miż-żoni attakkati mir-Russja.  Min-naħa tagħha r-Russja ma tat l-ebda kumment dwar dan ir-rapport, u baqgħet tinsisti li hi qatt ma tattakka nies ċivili.

 Fl-istess email lil Reuters, Amnesty qalet li fi żjarat li l-membri tagħha għamlu sabu li hemm numru ta’ suldati Ukreni li huma skjerati qrib ħafna ta’ residenzi ċivili f’19-il belt u villaġġ, u b’hekk dawn qed jesponu lil dawn in-nies ċivili għall-attakk tar-Russja. Amnesty tenniet li dan ma jfissirx li hija qiegħda żżomm lill-forzi Ukreni bħala dawk responsabbli għall-atti min-naħa tar-Russja, jew li l-Ukrajna mhix qiegħda tieħu l-miżuri neċessarji biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha. 

Ekonomija

Sport