Minn Cristian Muscat
Għandha biss 14-il sena, iżda l-kunfidenza, id-dixxiplina u r-riżultati li kisbet diġà jpoġġuha fost l-aktar atleti żgħażagħ promettenti li qatt ħarġu minn Għawdex. Amy Attard, membru ta’ Athletix AC Gozo, qed tkompli timmarka isimha fl-atletika Maltija u sa ċertu punt dik Għawdxija, b’mod partikolari fid-dixxiplina tal-javelin, fejn diġà qed tiddomina l-kategoriji taż-żgħażagħ.
Din hija t-tieni intervista li Amy qatt għamlet wara li diġà kellha waħda waqt il-Gozo Sports Awards 2025, fejn ġiet onorata b’mod mistħoqq bħala l-Atleta Femminili 2025 tas-sena, rikonoxximent li jikkonferma x-xogħol, it-talent u l-impenn tagħha.
Amy hija atleta li tħobb il-kompetizzjoni. Tipparteċipa b’mod regolari f’tiġrijiet qosra u fit-tul u kważi dejjem tispiċċa fuq il-podju, iżda l-qalba tagħha tinsab fit-trakka. Hija tispeċjalizza fit-tefgħat bħal javelin, shot put u discus, filwaqt li tieħu sehem ukoll fi sprints, speċjalment fis-60 metru.
“Ħassejt li ridt nagħmel sport f’ħajti biex inħossni kompluta,” tgħidilna Amy meta staqsejnieha kif bdiet l-imħabba tagħha lejn l-atletika. “Bdejt b’diversi sports bħal basketball u ġiri, imma malajr indunajt li naf nitfa’ ħafna. Il-javelin ħabbejtha mill-ewwel darba li ppruvajtha u llum qed nispeċjalizza fit-tefgħat.”
Il-javelin, iżda, mhijiex dixxiplina faċli, u lanqas mhi ideali biex titħarreġ fiha f’Għawdex.
In-nuqqas ta’ faċilitajiet xierqa huwa sfida reali. “Għawdex m’hemmx trakka għal din it-tip ta’ dixxiplina. Nittrenja fuq ħaxix sintetiku, u fil-javelin għandek bżonn spazju. Mhux faċli,” tispjega. Minkejja dan kollu, Amy bilkemm titlef kompetizzjoni li ssir fil-Marsa Track, fejn tħossha qisha d-dar tagħha.
“Il-Marsa għalija post speċjali. Għandi fejn nixxala, fejn nittrenja sew, u kull darba li jkolli ċ-ċans inkun ferħana u lanqas inkun irrid nitlaq,” tgħid b’entużjażmu.
U r-riżultati jitkellmu waħedhom. Amy hija ċ-champion nazzjonali tal-Malta Athletics Association fil-javelin fil-livell taż-żgħażagħ, u mhux biss, hija wkoll atleta li kisret ir-rekord nazzjonali diversi drabi. Il-marka ta’ 29.53m ġiet imtejba minnha stess għal 31.06m, qabel ma, fl-24 ta’ Jannar 2026, wettqet żewġ tefgħat straordinarji konsekuttivi ta’ 34.23m u 34.36m, li tellgħu l-livell għal għoli ġdid.
“Meta nġib marka tajba fil-javelin inħoss ferħ kbir li ma tantx nista’ niddeskrivih,” tgħid.
“Normalment nagħżel tliet dixxiplini u dawn huma l-javelin, discus u 60 metru, u ħafna drabi fil-javelin niġi l-ewwel. Dik tagħtini sodisfazzjon kbir.”
Imma wara dawn is-suċċessi hemm ħafna dixxiplina. Amy trid tibbilanċja t-taħriġ mal-iskola, il-gym u l-ħajja ta’ kuljum.
“Apparti l-ġiri rrid imur ukoll il-gym. Għandi skola wkoll. Kollox jitlob dixxiplina kbira,” tispjega. Bħalissa tinsab fir-raba’ sena tas-sekondarja qed tipprepara għall-eżamijiet fil-livell ordinarju u anke tieħu lezzjonijiet privati, filwaqt li tkompli tittrenja u tikkompeti.
“Xi drabi mmur Malta għall-kompetizzjoni u nqatta’ sagħtejn sħaħ nistenna. Inkun qed nagħmel il-homework tal-iskola biex inlaħħaq,” tgħid b’ton matur ħafna għall-età tagħha. “Jien dejjem ngħid li qatt m’għandek taħli l-ħin tiegħek!”
Il-ħolm tagħha mhuwiex limitat għall-gżejjer Maltin biss. “Nixtieq nikkompeti barra minn Malta aktar. Darba kont Brno u ħadt gost ħafna. Issa rrid inkompli nżid is-saħħa tiegħi u nittrenja aktar,” tgħid. Għajnejha huma ffukati wkoll fuq Small Island Games, fejn tittama li xi darba tirrappreżenta lil pajjiżha.
Barra l-isport, Amy għandha interess qawwi fil-matematika, u ma teskludix li fil-futur tgħaqqad l-edukazzjoni mal-isport. “Ommi hija għalliema tal-matematika u tgħinni ħafna. Tgħinni fl-istudju u dejjem hemm miegħi,” tgħid b’ringrazzjament kbir.
U proprju lejn tmiem l-intervista, Amy tagħżel li tirringrazzja lil dawk kollha li qed ikunu ta’ spalla għaliha.
“Nixtieq nirringrazzja lill-kowċis tiegħi bħal Jennifer Pace Hyzler, Mario Pisani li jiġi Għawdex apposta, u l-kowċis kollha li jgħinuni fl-istrength. Grazzi wkoll lil Adrian Farrugia, il-president tal-klabb, li għenni ħafna u tani ħafna opportunitajiet. U fuq kollox grazzi lill-ġenituri tiegħi, imma speċjalment lil ommi li dejjem hemm miegħi u twassalni kullimkien.”
Dak li jagħmel lil Amy tispikka mhux biss ir-rekords jew il-midalji, iżda l-mentalità tagħha.
Minkejja l-età żgħira tagħha, turi maturità u fokus li rari ssib. Kull kompetizzjoni hija opportunità biex titgħallem u titjieb, mhux biss biex tirbaħ. L-impenn tagħha lejn it-taħriġ, flimkien mal-umiltà li biha titkellem dwar is-suċċessi tagħha, jagħmluha mudell pożittiv għal atleti żgħażagħ oħra, speċjalment dawk Għawdxin li jħossu li għandhom inqas opportunitajiet.
Amy qed turi li bil-ħidma, id-dixxiplina u l-appoġġ it-tajjeb, il-limiti jistgħu jinkisru. Il-vjaġġ tagħha għadu biss fil-bidu, iżda l-passi li qed tieħu juru ċar li l-potenzjal tagħha huwa ferm akbar mir-riżultati li diġà kisbet.
F’età daqshekk żgħira, Amy Attard diġà qed turi li t-talent, meta jingħaqad mad-dixxiplina u r-rieda, jista’ jegħleb kull limitazzjoni, anke dawk ġeografiċi. U jekk il-futur jibqa’ miexi f’din it-triq, Għawdex u Malta jistgħu jkunu qed jaraw quddiemhom atleta li tħalli marka kbira fl-atletika internazzjonali.

