Miktub minn Ruben Briffa
Kif konna antiċipajna f’diversi artikli oħra f’dan is-sit, Donald Trump ma mexiex fuq il-passi ta’ kandidati oħra li kienu ħarġu telliefa f’elezzjonijiet presidenzjali oħra u mhuwiex qiegħed jacċetta li ħareġ tellief. Għal min ilu jsegwi lil Donald Trump din ma kinitx sorpriża għaliex huwa ferm diffiċli fejn wieħed jista’ jsib imqar episodju wieħed fejn Trump ammetta mqar li żbalja fuq xi ħaġa.
Kif konna rajna wkoll fl-artikli oħra, l-fazzjoni Trumpjana fi ħdan il-Partit Repubblikan kienet ilha tipprepara għal dan ix-xenarju li għandna bħalissa. Qabel l-elezzjoni, diġà konna xbajna nisimgħu lil Trump u esponenti oħra tal-partit tiegħu jagħmlu allegazzjoni li d-Demokratiċi kienu qegħdin jippreparaw strateġija sabiex “jisirqu l-Presidenza”.
Imġiba mingħajr precedent
Jekk Trump ikompli jippersisti b’dan l-aġir sejrin ikollna sitwazzjoni mingħajr preċedent fil-politika Amerikana fejn President ikun qiegħed jirrifjuta li jittrasferixxi l-poter f’idejn min rebaħlu fl-elezzjoni minħabba akkużi ta’ prattiċi korrotti fil-proċess elettorali, akkużi li sa issa għadhom mingħajr bażi ta’ xejn.
Fil-prattika, Trump ftit għandu ċans li jġibha żewġ u jżomm il-presidenza. Dan minħabba li kemm il-qrati kif ukoll l-armata għandhom is-saħħa li jwarrbu lil Trump mill-Whitehouse, jekk mhux bis-sewwa iżda bid-dnewwa.
Xorta hemm il-konsegwenzi
Kif wieħed jista’ jimmaġina, t-tranżizzjoni tal-poter minn president għall-ieħor tinvolvi eżerċizzju massiv li jaffettwa numru kbir ta’ impjegati tal-gvern. Huwa stmat li meta jinbidel president jiġu affettwati xejn anqas minn 4,000 ħaddiem taċ-ċivil li jkunu appuntati politikament mill-partit rebbieħ. Aktar minn terz minnhom jkunu gew approvati mis-Senat. Il-proċess ta’ bidla fl-istaff presidenzjali jibda minn meta jiġi elett il-president il-ġdid. Huwa għalhekk li l-aġir ta’ Trump qiegħed iwaqqaf kompletament dan il-proċess hekk ikkumplikat li jieħu ħafna ħin f’handovers u affarijiet oħra.
Appropożitu tal-handovers, l-imġiba xejn etika ta’ Trump qiegħda twaqqaf kompletament l-aktar hand-over importanti fid-dinja kollha, jiġifieri dak li jseħħ bejn il-President tal-Istati Uniti li sejjer ikun qiegħed itemm il-kariga u dak li jkun qiegħed jeħodlu postu. Suppost bħalissa diġà bdew il-laqgħat ta’ kuljum sabiex Trump jgħaddi lil Biden numru kbir ta’ dokumenti, uħud minnhom ta’ natura sensittiva ħafna. Però, minn dan għadu ma beda xejn.
X’għallimna l-passat?
Fl-2000, il-fatt li t-tranżizzjoni tal-poter kienet iqsar mis-soltu minħabba l-battalja legali li kienet iddeċidiet min minn bejn George W. Bush u Al Gore kien rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali kien wassal sabiex l-Istati Uniti kienu waqgħu lura fil-bini ta’ pjattaforma sabiex jiġġieldu t-terroriżmu. Fil-fatt, dan il-fatttur kien wieħed mir-raġunijiet li skont il-kummissjoni li kienet inħatret sabiex tinvestiga l-attakki fuq it-Twin Towers għalfejn l-Istati Uniti kienu nqabdu fuq sieq waħda minn Al Qaida, l- grupp terroristiku li kien organizza dan l-attakk.
Min-naħa l-oħra, rapport ieħor li kien jittratta l-Kriżi Finanzjarja tal-2008, li kienet oriġinat mill-Istati Uniti u wara nfirxet madwar id-dinja, kien qal ċar u tond li l-handover professjonali li kien ingħata minn George W. Bush lil Barak Obama kien għen ħafna sabiex il-pajjiż jirnexxielu joħroġ minn dik il-kriżi.
Il-Partit Repubblikan
Huwa fatt magħruf li fi ħdan il-Partit Repubblikan hemm fazzjoni Anti-Trump maghrufa mal-media internazzjonlai bħala n-Never-Trump Republicans. Dawn kienu qegħdin jittamaw li Trump jaqla’ tkaxkira kbira sabiex il-partit jibda paġna ġdida, ħaġa li ma seħħitx.
Minkejja li ħareġ tellief, Trump mar ħafna aħjar milli kien mistenni. Ħafna kandidati Repubblikani jafu li rebħu s-siġġu tagħhom bis-saħħa tal-fatt li kien hemm turnout għoli minħabba dawk il-votanti li aktar minn votanti Repubblikani huma votanti ta’ Trump. Dan wassal sabiex il-Partit Repubblikan, minkejja li tilef il-Presidenza, għandu ċans tajjeb li jżomm il-kontroll tas-senat u li jżid in-numru ta’ siġġjiet fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Ir-Repubblikani, bis-saħħa tal-votanti Trumpjani marru wkoll ħafna aħjar milli kien previst fl-elezzjonijiet statali.
Dan wassal sabiex ħafna politiċi Repubblikani qegħdin iħossuhom obbligati lejn Trump għas-siġġu li rebħu u għalhekk għażlu li minflok li jaċċettaw ir-riżultat jibdew idoqqu l-istess diska ta’ Donald Trump li kien hemm it-tbagħbis fil-voti. Fil-fatt, kienu biss ftit l-esponenti prominenti tal-Partit Repubblikan li mxew fuq il-passi ta’ Mitt Romney, li kien il-kandidat presidenzjali tal-partit fl-elezzjoni kontra Barak Obama tal-2012, u ferħu lil Biden.
Addirittura, hemm ħafna politiċi Repubblikani, fosthom Mitch McConell, il-mexxej tas-Senaturi Repubblikani, li ħarġu jgħajtu l-għajta tat-tbagħbis tal-voti aktar bis-saħha mill- istess Trump. Kien hemm xi Repubblikani oħra li sahansitra ħaduha kontra membri tal-istess partit għaliex dawn imxew b’mod etiku fl-eżerċizzju tal-għadd tal-voti.
Każ minnhom seħħ fl-Istat ta’ Georgia, fejn rajna lil Kelly Loeffler u David Perdue, żewġ senaturi Repubblikani tal-istess stat jitolbu għar-riżenja ta’ Brad Rffensperger, Repubblikan bħalhom, li kien responsabbli mill-għadd tal-voti fil-Georgia, għaliex dan irrifjuta li jdawwar ir-riżultat favur Trump.
Dan kollu jista’ jżomm lill-Partit Repubblikan taht l-influwenza ta’ Trump. Diġà qegħdin nisimghu dikjarazzjonijiet li Donald Trump sejjer jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni Presidenzjali tal-2024. Jekk dikjarazzjonijiet bħal dawn jibqgħu jiġu ssostanzjati, dan ifisser li ġenerazzjoni sħiħa ta’ politiċi Repubblikani żgħażagħ sejrin ikunu qegħdin jiġu mċaħħda mill-ambizzjonijiet tagħhom.
Mhux sejjer ikun faċli li l-Partit Repubblikan jeħles darba għal dejjem mill-influwenza ta’ Trump kif joħroġ ċar minn sondaġġ li sar fost il-votanti Republikani fejn xejn anqas minn 88% minnhom jemmnu lil Trump li kien hemm tbagħbis fil-voti. Dan in-numru esorbitanti ta’ votanti leali joħroġ aktar b’saħħtu meta wieħed iqabblu ma’ sondaġġ simili li kien sar fost il-votanti Demokratiċi li fl-2000 kienu ivvotaw lil Al Gore. Minkejja li din l-elezzjoni kienet marret favur George W. Bush bi ftit aktar minn hames mitt vot fi Florida, 36% biss tal-votanti Demokratiċi kienu qalu li r-riżultat kien illeġittimu kif kien qal Al Gore.
Huwa tassew inkwetanti li din is-sitwazzjoni fejn il-President Trump u dak elett mhumiex litteralment jitkellmu bejniethom qiegħda sseħħ fl-isfond ta’ pandemija bħal dik li qed ngħixu fiha bħalissa. Għandu raġun Joe Biden li meta ġie mistoqsi mill-ġurnalisti fuq l-effetti li sejrin ikun hemm minħabba din in-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejnu u bejn Trump, huwa rrisponda b’mod mill-aktar skjett “li sejrin naraw aktar imwiet konsegwenza tal-Covid-19”.