Saturday, November 23, 2024

Il-qtil ta’ George Floyd mill-Pulizija Amerikana

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Analiżi Internazzjonali Ruben Briffa

Għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar ġimgħat, l-aħbarijiet fl-Istati Uniti warrbu ftit l-imxijja tal-pandemija fil-ġenb. Dan wara li fil-belt ta’ Minneapolis, fl-Istat ta’ Minnesota, raġel ta’ karnaġġjon skur inqatel mill-pulizija. L-inċident ġie maqbud permezz ta’ kamera tas-sigurtà. Minkejja li l-erba’ pulizija li kienu nvoluti f’dan l-inċident ikrah tkeċċew mill-ewwel, kif ġara ħafna drabi fil-passat, malli bdiet tiġri l-aħbar li nqatel dan ir-raġel, bdew jiġu organizzati ħafna protesti vjolenti madwar il-pajjiż.

Kif ġara l-inċident

Kollox beda meta nhar it-Tnejn li għadda, il-vittma, George Floyd, ġie rrappurtat minn sid ta’ ħanut tal-merċa li pprova jħallsu permezz ta’ flus foloz. Milli jidher, il-pulizija marru minnufih fuq il-post u ppruvaw idaħħlu lil Floyd ġol-karozza tagħhom, però dan irreżista u ġie mmanettjat.

Wieħed mill-pulizija li marru fuq il-post ġie maqbud fuq il-filmat esebit fuq il-media soċjali jagħfas irkopptejh ma’ għonq George Floyd għal ħin sostanzjali, bil-vittma jinstema’ jitolbu bil-ħniena sabiex jieqaf għax ma kienx qiegħed jieħu nifs. George Floyd miet fuq il-post. Nhar il-Ġimgħa li għadda, il-pulizija li semmejna, Derek Chauvin, ġie mixli bil-qtil ta’ George Floyd.

Tensjonijiet antiki

Il-qtil ta’ George Floyd minn membri tal-pulizija mhuwiex l-ewwel wieħed ta’ din ix-xorta li seħħ f’Minnesota. Fl-2016, ċittadin ieħor Afro-Amerikan, Philando Castile, inqatel minn pulizija permezz ta’ diversi tiri, wara li l-vittma kien twaqqaf bil-vettura tiegħu. 

Protesti madwar il-pajjiż

Wara dan il-qtil, rajna diversi protesti jiġu organizzati f’diversi bliet ewlenin madwar l-Istati Uniti, fosthom fi New York,  f’Atlanta, ġewwa Portland, f’Washington u naturalment ġewwa diversi bliet fil-Minnesota. Il-protestanti għamlu ħerba billi ħarqu ħafna karozzi u bini. Ġewwa Washington, il-Whitehouse kellha tingħalaq għal xi ħin waqt il-protesti.

Il-gvernatur ta’ Minnesota, Tim Walz, qal li ħafna mill-protestanti ġew minn barra l-istat tiegħu u li kellhom aġenda oħra għalfejn qegħdin jipprotestaw. Il-President Trump iddeskriva lill-protestanti bħala “ġgajta anarkisti”. Sadanittant, l-Istat ta’ Minnesota, bil-barka ta’ Trump, bagħat lil madwar 13-il elf membru tal-Gwardja Nazzjonali sabiex jikkontrollaw lill-eluf ta’ protestanti li ħonqu t-toroq ta’ Minniapolis u ta’ St. Paul, belt ewlenija oħra f’Minnesota.

Ir-Repubblikani u l-Protesti

Ħafna osservaturi politiċi qegħdin iqabblu dawn il-protesti ma’ dawk li kienu saru f’diversi bliet Amerikani lura fl-1968. Dakinhar, il-protesti kienu ġew organizzati mill-komunità ta’ nies suwed minħabba l-brutalità li l-pulizja Amerikana kienet qiegħda turi magħhom, kif ukoll minħabba d-diskriminazzjoni li kienu jsofru fi prattikament kull aspett tal-ħajja. Ħaġa oħra li l-protesti tal-1968 kellhom komuni ma’ dawk li għaddejjin bħalissa hija li dik is-sena ukoll kienet sejra ssir elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti.

Fl-elezzjoni tal-1968, il-Kandidat Presidenzjali Repubblikan kien Richard Nixon, bi Spiro Agnew kien ikkontesta għall-kariga ta’ Viċi President. Dawn kienu rikbu fuq id-dwejjaq tan-nies bojod minħabba li kienu qegħdin iħossuhom mhedda bil-protesti vjolenti li kienu qegħdin jagħmlu s-suwed. Nixon u Agnew kienu ppreżentaw ruħhom bħala l-paladini tar-Rule of Law u tal-Ordni Pubblika. Huma kienu wegħdu lil dawn in-nies li kienu sejrin iwaqqfu għalkollox il-mewġa ta’ vandaliżmu li kienu qegħdin jagħmlu l-protestanti u li kienu sejrin jintroduċu pieni tassew ħorox għal min jagħmel ħsara fil-proprjetà tagħhom waqt il-protesti. Fuq kollox, f’din l-elezzjoni ta’ aktar minn hamsin sena ilu, rajna għall-ewwel darba lill-Partit Repubblikan ta’ Nixon u Trump juża t-tema tar-razza sabiex jippreżenta ruħu bħala t-tarka tal-Amerikani ta’ ġilda bajda. Studju xjentifiku li kien sar f’dik il-ħabta kien wera li din l-istrateġija ta’ Nixon li juża temi razzjali fil-kampanja presidenzjali kienet żiedet in-numru ta’ votanti bojod għall-Partit Repubblikan bi kważi 8%. Dawn kienu strumentali sabiex Nixon kien rebaħ dik l elezzjoni.

Minn dakinhar ‘il quddiem, kważi f’kull elezzjoni presidenzjali li saret rajna lill-Partit Repubblikan jieħu vantaġġ politiku minn xi protesti li jkunu saru fil-pajjiż billi jittimbrawhom li kellhom motivazzjoni razzjali u li kienu qegħdin jipperikolaw il-ħajjiet tal-bojod. Din l-istrateġija rajniha tkun użata minn Donald Trump fl-elezzjoni tal-2016. Dan meta Trump kien beżża’ kemm felaħ lill-elettorat Amerikan bl-immigranti llegali li kienu qegħdin jidħlu fl-Istati Uniti l-aktar mill-fruntiera tat-Texas. F’dik il-kampanja presidenzjali, Trump kemm-il darba kien qal lin-nies li huwa kien sejjer iwaqqaf id-dħul ta’ dawn l-immigranti f’pajjiżu għaliex dawn kienu jżidu ċ-ċans li jerġa’ jkun hemm protesti organizzati mill-minoranzi Afro-Amerikani u ta’ dixxindenza Messikana li dik il-ħabta kienu saru fl-ibliet ta’ Ferguson u Baltimore.

Partiti tas-suwed u tal-bojod

Studju li sar dan l-aħħar minn gurnal influenti Amerikan juri li ż-żewg partiti l-kbar, jigifieri l-Partit Repubblikan u dak Demokratiku huma assoċjati mar-razez tal-votanti. Fil-fatt, dan l-istudju wera li xejn anqas minn 81% tal-votanti tal-Partit ta’ Trump huma bojod, waqt li anqas minn 60% tal-votanti Demokratiċi huma ta’ ġilda bajda. Skont dan l-istudju, madwar 90% tal-votanti suwed bħalissa jippreferu lill-kandidat tal-Partit Demokratiku Joe Biden minn Donald Trump.

Din il-qasma razzjali fil-votanti Amerikani dehret ukoll fil-mod ta’ kif dawn ikkummentaw fuq il-qtil ta’ George Floyd. Minkejja li l-maġġoranza tal-bojod qablu li l-pulizjija Amerikan tuża wisq vjolenza, huma jikkunsidraw il-protesti li għaddejjin bħalissa bħala mmotivati b’temi razzisti.

Ir-raġunijiet wara l-protesti

Il-politika Amerikana ilha żżid fl-aggressività sa mis-snin sittin. Il-votanti saru litteralment jobogħdu lill-partit oppost u jibżgħu minnu. Minkejja li kulħadd għandu l-partit tiegħu, żgur li jkun hemm temi politiċi tal-partit oppost li jkunu attraenti għall-votanti li ma jkunux ivvutawlu. Biss, minħabba din iż-żieda fl-aggressività politika, dawn it-temi li jkunu jogbu lill-votanti opposti naqsu minn 50% għal inqas minn 20%. Għalhekk, ħafna minn dawn il-protesti jkunu riżultat tal-mibegħda li jkollhom il-protestanti għall-partit li jkun qiegħed imexxi l-pajjiż.

Fattur ieħor li nstiga lil dawn il-protesti ġej mill-inġustizzji soċjali li jsofru s-suwed fl-Amerika. L-Afro-Amerikani ilhom is-snin frustrati minħabba li għandhom dħul ħafna anqas minn dak tal-bojod. Fil-fatt, id-dħul tal-Amerikani suwed huwa biss ta’ 60% ta’ dak tal-bojod. Minkejja li din id-differenza fid-dħul naqset minn żmien Nixon ‘l hawn, fejn dak iż-żmien id-dħul tas-suwed kien anqas minn nofs dak tal-bojod, xorta għadha differenza kbira meta kkomparata ma’ pajjiżi oħra. Fir-Renju Unit, ċittadini suwed għandhom dħul ta’ aktar minn 90% ta’ dak tal-bojod. Ir-rabja tal-komunità sewda ġejja wkoll mill-fatt li l-Afro-Amerikani huma mifnija b’nuqqas ta’ xogħol, fejn kważi 40% taż-żgħażagħ suwed huma mingħajr dħul fiss. 

Id-dwejjaq tal-Amerikani ta’ karnaġġjon skur kompla jikber dan l-aħħar minħabba l-Covid-19. Fil-fatt, l-akbar ammont ta’ vittmi Amerikani tal-virus kienu suwed. Dan minħabba li ħafna suwed għandhom xogħol li ma setax isir mid-djar tagħhom u anke minħabba li ħafna minnhom ma jaffordjawx li jkollhom insurance fuq is-saħħa.

Minkejja li ħafna ħasbu li dawn il-protesti kienu sejrin joħolqu ħafna nkwiet għal Trump fil-kampanja presidenzjali li mistennija tibda dalwaqt, il-verità hija li huma pprovdew lill-President Amerikan bi skuża sabiex jerġa’ juża temi razzjali sabiex jiġbed lejh aktar votanti bojod. Kemm-il darba dan ikun il-każ, il-qtil ta’ George Floyd sejjer jintefa’ taħt it-tapit u bħal oħrajn li saru fil-passat ma jkun sewa għal xejn għaliex ir-riforma li tant hemm bżonn fl-operat tal-pulizija Amerikan terġa’ ma sseħx.

Sport