Saturday, December 21, 2024

ANALIŻI: Is-sena tal-vaċċin

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Ruben Briffa

Kif rajna fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra, is-sena 2020 għalqet b’tama ġdida minħabba li jidher li nstabu numru ta’ vaċċini għal kontra l-Coronavirus. Ma jistax jonqos li matul is-sena li għadna kemm bdejna, il-lenti tal-media internazzjonali sejra tkun iffukata fuq l-istrateġiji li sejrin jaddottaw il-pajjiżi kollha tad-dinja sabiex ilaqqmu lin-nies u fuq kollox fuq ir-riżultati miksuba minn dawn il-vaċċini fil-ġlieda kontra l-Covid-19.

Tant dawn il-vaċċini diġà qegħdin jiddominaw l-aħbarijiet, li bħalissa l-ismijiet tal-kumpaniji farmaċewtiċi li ħarġu dawn il-vaċċini qegħdin fuq fomm kulħadd. Ġewwa l-Istati Uniti, kif ukoll fl-Unjoni Ewropea, inkluż gewwa pajjiżna, il-kumpaniji li n-nies qegħdin jarawhom bħala s-salvaturi tagħhom għal kontra l-pandemija huma l-Pfizer u l-BioNTech. 

Dan minħabba li l-vaccin li żviluppaw bejniethom dawn iż-żewg kumpaniji huwa l-ewwel wieħed li ġie approvat mill-awtoritajiet tas-saħħa ta’ diversi pajjiżi. Dawn iż-żewġ kumpaniji qegħdin jgħidu li mit-testijiet li għamlu s’issa, l-vaċċin tagħhom għandu rata għolja ta’ suċċess ta’ kważi 95%.

Minkejja li pratikament kulħadd jaf bil-vaċċin tal-Pfizer-BioNTech, li l-isem tekniku tiegħu huwa l-BNT162b2 u li sejjer jinbiegħ bl-isem ta’ Comirnaty, ftit huma dawk li jafu kif dan il-vaċċin ġie żviluppat matul ix-xhur tas-sena l-oħra u fuq kollox kif dan il-vaċċin sejjer ikun qiegħed jiġġieled lill-blalen żgħar b’ħafna xewk ħiereġ minnhom tal-Coronavirus, meta persuna tiġi mlaqqma bih.

Frott il-kollaborazzjoni u istinti tajba

F’Jannar tas-sena l-oħra, il-BioNTech, kumpanija Ġermaniża magħrufa sew fil-qasam mediku, kienet minn tal-ewwel nett li rat is-serjetà tal-virus li kien għadu kemm ħareġ miċ-Ċina, tant li mill-ewwel bdiet ir-riċerka tagħha fuqu. 

F’Marzu ta’ wara, il-Pfizer, kumpanija oħra magħrufa sew fl-izvilupp tal-medicinali, bbazata fl-Istati Uniti, ngħaqdet mal-BioNtech fir-riċerka sabiex jiġi żviluppat vaċċin ghal kontra l-Covid-19 li issa kien infirex sew madwar id-dinja. Din il-kollaborazzjoni waslet għall-iżvilupp ta’ żewġ verżjonijiet ta’ vaċċin li bdew jiġu ttestjati f’Mejju ta’ wara. Jidher li wieħed minn dawn iż-żewġ vaċċini, appuntu l-BNT162b2 li diġà semmejna, kellu riżultati ħafna aħjar mill-ieħor u għalhekk dawn iż-żewġ kumpaniji ddeċidew li jikkonċentraw fuq l-iżvilupp tiegħu.

Ir-riċerka fuq il- BNT162b2 hadet nifs kbir minħabba l-influss kbir ta’ flus li kisbu ż-żewġ kumpaniji wara li f’Lulju tal-2020, il-Gvern Amerikan ordna minn għandhom madwar 100 miljun doża għall-prezz ta’ kważi żewġ biljun Dollaru Amerikan u kuntratt ieħor għal 500 miljun doża oħra. B’effett immedjat din id-doża kienet ittestjata fuq madwar 30,000 voluntier minn pajjiżi differenti fosthom l-Istati Uniti, l-Ġermanja, l-Brażil u l-Argentina. Dawn it-testjiet komplew f’Settembru, meta ngħataw aktar injezzjonijiet bil-BNT162b2 lil madwar 40,000 voluntier ieħor mill-Istati Uniti.

Fid-9 ta’ Novembru, il-Pfizer u l-BioNTech ħabbru li mit-testijiet li semmejna, 95% tal-injezzjonijiet kellhom suċċess u fuq kollox li ma kien hemm l-ebda effetti negattivi fuq is-saħħa tal-voluntieri. 

Fl-aħħar jiem ta’ Novembru tal-2020 bdejna naraw l-ewwel awtoritajiet tas-saħħa japprovaw l-użu tal-vaċċin tal-Pfizer-BioNtech fuq iċ-ċittadini tagħhom. Fil-fatt, l-ewwel pajjiż li approva formalment dan il-vaċċin kien ir-Renju Unit, b’pajjiżi oħra bħall-Kanada, l-Għarabja Sawdita, l-Istati Uniti u l-Messiku jimxu fuq il-passi tiegħu fi żmien ftit jiem. L-Unjoni Ewropea approvat l-użu tal- BNT162b2 fil-21 ta’ Diċembru.

Fl-aħħar jiem tas-sena li għaddiet rajna l-bidu tal-vaċċinazzjoni f’diversi pajjiżi madwar id-dinja. Dawn iż-żewġ kumpaniji irnexxielhom jipproduċu madwar 90 miljun vaċċin sal-aħħar tas-sena 2020 bil-produzzjoni mistennija tlaħħaq il-biljun u nofs matul l-2021.

Kif jaħdem il-vaċċin?

Naturalment mhuwiex l-iskop tagħna li nidħlu f’ħafna dettalji xjentifiċi ta’ kif dan il-vaċċin sejjer ikun qiegħed jattakka u jeqred il-blalen mimlijin bix-xewk tal-Coronavirus. Però huwa tassew affaxxinanti kif il-bniedem irnexxielu joħroġ b’soluzzjoni hekk inġenjuża li appuntu tuża x-xewk tal-Coronavirus sabiex teqirdu.

Il-vaċċin huwa bbażat fuq molekula magħrufa bhala mRNA mdawra minn qoxra protettiva sabiex ma titfarrakx meta tidħol fil-ġisem. Meta tiġi injettata f’ġisimna l-mRNA teħel ma’ ċelloli taghna. Meta teħel ma’ xi ċellola, l-mRNA twassal sabiex iċ-ċellola li weħlet magħha tipproduċi speċi ta’ xewk simili bħal dawk tal-Coronavirus. Meta ċ-ċellola tmut dawn ix-xewk jiġu lliberati fil-ġisem u jfittxu li jeħlu ma’ ċelloli immunitarji magħrufa bħala antigen-presenting cells. Hawnhekk jibdew iż-żewg tipi ta’ attakki mill-antigen cells fuq il-virus.

Fl-ewwel tip ta’ attakk, ċelloli immunitarji oħra magħrufa bħala helper-cells u B-cells jeħlu mal-antigen-presenting cells permezz tax-xewk li jkunu weħlu magħhom. Meta ssir din l-għaqda bejn dawn iċ-ċelloli jiġu prodotti proteini magħrufa bħala antibodies li jeħlu max-xewk tal-blalen tal-Coronavirus u jinnewtralizzawhom milli jinfettaw ċelloli oħra.

Fit-tieni tip ta’ attakk, l-antigen cells jattivaw ċelloli immunitarji oħra maghrufa bħala killer-T. Dawn jeħlu maċ-ċelloli antigen u jiżviluppaw xewk li meta jeħel max-xewk tal-Coronavirus, minflok jinnewtralizzhom literalment jivvelenawhom u joqtluhom.

Problemi fid-distribuzzjoni

Iċ-ċelloli mRNA li semmejna huma fraġli ħafna, tant li jmutu fit-temperaturi li ngħixu fihom. Għalhekk il-produtturi tal-vaċċin, minbarra l-produzzjoni tal-vaċċin per-se kellhom jiżviluppaw kontenituri li jżommu t-temperaturi tal-vaċċin taħt is-70 Grad Celsius taħt iż-żero.

Huwa proprju għalhekk li ħafna pajjiżi qeghdin jikkonsidraw li jordnaw vaċċin ieħor li ġie żviluppat mill-kumpanija Moderna li hija bbażata fl-Istati Uniti. Dan il-vaċċin, bl-isem ta’ Mrna-1273, jaħdem prattikament bħal dak tal-Pfizer-BioNTech, għandu rata ta’ suċċess ta’ 94% u li però jiflaħ temperaturi aktar għoljin li xorta huma taħt iż-żero u għalhekk xorta jirrikjedi kontenituri apposta.

Vaċċini oħra

Naturalment ġew żviluppati ħafna vaċċini oħra madwar id-dinja. Vaċċin minnhom li qiegħed jiġi ordnat minn diversi pajjiżi huwa dak li ħarget il-kumpanija Ċiniża Sinopharm. Dan il-vaċċin qiegħed jiġi użat fil-Bahrain, fl-Emirati Għarab Magħquda u appuntu fiċ-Ċina.

Dan il-vaċċin jaħdem billi tiġi injettata doża żgħira tal-Coronavirus li ġie nnewtralizzat. Dan jaqbad maċ-ċelloli anti-gen li jkissru l-virus newtralizzat u frammenti minnu jattakkaw lill-blalen tal-Coronavirus li huma attivi.

Il-vaċċin tal-Pfizer-BioNTech jingħata permezz ta’ żewġ dożi li jiġu injettati fil-ġisem. It-tieni doża tkun trid tiġi injettata wara perjodu ta’ madwar 20 ġurnata minn meta tkun ingħatat l-ewwel doża.

Minkejja t-tama li ngħatajna minn dan il-vacċċin jeżistu inċertezzi fuqu. L-ewwel inċertezza hija fuq kemm huwa l-perjodu li l-bniedem jibqa’ protett wara li jkun ingħata ż-żewġ dożi. Fuq kollox għadha qiegħda tiġi stabbilita l-istrateġija ta’ kif miljuni kbar ta’ vaċċini sejrin jitwasslu f’pajjiżi fejn ftit teżisti infrastruttura għat-transport tal-kontenituri ffriżati tiegħu.

Ekonomija

Sport