Saturday, December 21, 2024

Analiżi tal-ħidma tal-Gvern

Aqra wkoll

Il-Gvern kull xahar jorganizza diversi konferenzi biex iħabbar inizjattivi differenti, fix-xahar ta’ Settembru huwa stmat li l-Gvern ħareġ aktar minn mitt stqarrija. It-TORĊA għamlet analiżi tal-aqwa inizjattivi li ħabbar il-Gvern matul ix-xahar ta’ Settembru u jidher biċ-ċar li l-aktar Ministeri li ħallew impatt huma;

Il-Ministeru għall-Akkommodazzjoni Soċjali u Affordabbli
Ingawgurata binja ġdida ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Luqa

Aktar minn 100 familja tgawdi minn proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ 17-il blokka fil-Fgura b’investiment ta’ madwar €820,000
Progress fix-xogħlijiet ta’ madwar 267 appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Farruġ

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni
Skola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex b’investiment ta’ €18-il miljun
Investiment dirett ta’ €27 miljun fl-istudenti li jitgħalmu fi skejjel indipendenti
L-aħħar ftit preparamenti biex il-ġimgħa d-dieħla tibda s-sena skolastika 2024-25

Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva
Inawgurata klinika għall-komunitá fis-Siġġiewi

Estiż is-servizz tal-moniteraġġ tad-dijabete; 160 persuna oħra ser jibbenefikaw għall-ewwel darba minn dan is-servizz
Issir l-ewwel proċedura ta’ Transphenoidal Surgery f’Malta b’investiment ta’ €700,000

Il-ġimgħa li għaddiet ħareġ stħarriġ li jgħid li kważi nofs in-nies biss għadhom iqisu l-ħidma tal-Gvern bħala waħda sodisfaċenti. Din il-gazzetta mhux se toqgħod tanalizza n-numri u tidħol fil-metodoloġija ta’ kif sar dan is-survey u lanqas ħa tieħu responsabbilta tiegħu. Iżda t-TORĊA l-analiżi tal-ħidma tal-Gvern se tagħmilha xorta.

Is-Soċjal

Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, huwa wieħed mill-aktar li kienu attivi fix-xahar ta’ Settembru, hekk kif ġew inawgurati proġetti kbar. Fosthom binja ġdida f’Ħal Luqa bl-isem ta’ Dr Joe Brincat, li minnha se jgawdu 46 familja.

Flimkien mar-riġenerazzjoni ta’ 17-il blokka fil-Fgura li fiha kien hemm tisbiħ tal-faċċati, tisbiħ tal-partijiet komuni u rinovar tal-bjut. Dan il-proġett huwa stmat li laħaq 102 familja u għalkemm fil-verità tisbiħ, jitqies bħala xi ħaġa kożmetika, n-nies li joqogħdu hemm xorta japprezzawh. Sabiħ li meta tidħol u toħroġ minn post inti ma tarahx mitluq iżda jkun jidher ferm aħjar.

Fix-xahar ta’ Settembru deher ukoll il-progress fl-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Farruġ. B’investiment ta’ kważi €40 miljun se jiġu mibnija 267 appartament.

Għalkemm dawn huma proġetti sbieħ u importanti, l-kritika ħafna drabi tkun iż-żieda tal-bini fil-kommunitajiet tagħna. Id-direzzjoni tal-Gvern kienet li hemm bżonn ta’ aktar spazji miftuħa, iżda fil-verità l-artijiet tiegħu għadu qed jagħtihom għal aktar bini. Hemm bżonn li jsir assessjar effettiv u rigoruż biex min il-ħajja tiegħu mxiet għal aħjar u issa jaffordja jixtri post għalih, jagħmel dan u jagħti ċ-ċans li l-appartament jieħdu min vera għandu bżonn. B’hekk il-Gvern inaqqas il-bżonn li jibqa jżied dejjem aktar bini.

Is-Saħħa

F’dawn l-aħħar xhur, kien hemm żieda sostanzjali ta’ kliniċi fil-komunita biex dejjem tiżdied il-kura u l-prevenzjoni u fejn jistgħu dejjem tonqos il-pressjoni li hemm fil-polikliniċi u l-isptar. Skont li qal il-Ministru b’kollox n-numru ta’ kliniki fil-komunità issa tela’ għal 30. Fix-xahar ta’ Settembru ġiet inawgurata klinika għall-komunitá fis-Siġġiewi, li qegħda ġewwa Binja Silvio Parnis, fis-Siġġiewi.

Fost il-kritika li kellu l-Ministeru tas-Saħħa f’dawn l-aħħar xhur, kienet id-dewmien biex jinfetaħ il-Hub Reġjonali Ċensu Moran. Jidher illi f’Settembru wara li ġew eżawriti l-għażliet l-oħra kollha, ġie ddeterminat li t-terminazzjoni tal-kuntratt hija l-unika soluzzjoni biex jiġi żgurat li l-Hub Reġjonali jitlesta u jitwassal lill-pubbliku kemm jista’ jkun malajr. Din hija waħda mill-ftit okkażjonijiet li l-Gvern waqqaf kuntrattur għax ma kienx qed jagħmel xogħlu. In-nies għandhom jkunu l-prijorità mhux il-kuntratturi l-kbar li għax għandhom il-flus jagħmlu li jridu.

Apparti minn hekk kien hemm servizzi oħra li ġew estiżi u oħrajn ġodda f’ dan is-settur. Fosthom ġie estiż is-servizz tal-moniteraġġ tad-dijabete; għal dawk li għandhom bejn 46 u 50 sena u li għandhom il-kundizzjoni dijabete tip 1. B’hekk 160 persuna oħra ser jibbenefikaw għall-ewwel darba minn dan is-servizz. Filwaqt li saret l-ewwel proċedura ta’ Transphenoidal Surgery f’Malta b’investiment ta’ €700,000.

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li ġenituri prospettivi li huma self-employed u li għaddejjin b’trattament tal-IVF se jingħataw sa 100 siegħa ta’ leave mħallas mill-Gvern.
Dawn huma kollha inizjattivi importanti, iżda issa hemm bżonn li l-Gvern jagħti spinta biex jinfetaħ il-Hub Reġjonali ħalli tonqos l-pressjoni fuq Mater Dei, u l-emerġenza tiġi estiża kif inhu mwiegħed. In-nies ma jridux aktar proġetti żgħar, iżda jridu li l-bżonnijiet tagħhom meta l-aktar li jkollhom bżonnhom jissodisfawhom mhux jagħmlu sigħat jistennew.

L-Edukazzjoni

L-akbar investiment fis-settur tal-edukazzjoni f’Settembru li għadda kien bla dubju fir-Rabat Għawdex. B’investiment ta’ madwar €18-il miljun, inbniet skola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, li ħadet post l-iskola l-antika li kellha madwar 170 sena. Bħala parti minn dan il-proġett sar tkabbir u mmodernizzar tal-Iskola Medja fl-istess kampus. L-iskejjel huma l-post fejn iqattgħu l-maġġorparti tal-ħin tagħhom l-istudenti u b’hekk huwa importanti li jkollhom post komdu u sabiħ fejn jistudjaw u jitgħalmu. L-aħħar ħaġa li għandna bżonn hi li l-istudenti jistmerru l-edukazzjoni minħabba l-ambjent li jitgħalmu fih.

Fis-sajf li għadda saret ukoll kritika li ħafna skejjel għadhom mingħajr AC. Bejn l-istress tal-eżamijiet u sħana tremenda ta’ Ġunju ħafna fl-eżamijiet bdew iħossuhom ma jifilħux,. B’hekk dan għandu jingħata prijorità issa biex sa Ġunju dawn l-istudenti jkollhom kundizzjonijiet xierqa.

Mil-lat pożittiv, aktar kmieni din is-sena l-edikaturi kellhom żieda fil-pagi. F’Settembru l-Prim Ministru ħabbar li f’Ottubru l-edukaturi li jaqgħu taħt il-ftehim settorjali l-ġdid se jaraw l-aġġustamenti fis-salarju tagħhom. Dan jorbot mal-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti biex il-miżati tat-tfal li jmorru f’dawn l-iskejjel ma jiżdiedux b’mod eżorbitanti biex ipattu għaż-żieda li gawdew minnha l-għalliema.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi ħabbret ukoll proġett pilota biex l-istudenti jkunu jistgħu jużaw żewġ tipi ta’ prodotti menstruwali li ser ikunu jistgħu jieħdu minn tliet magni apposta li ġew installati fl-iskejjel. Dan se jibda fi tliet skejjel u eventwalment irid jinfirex fl-iskejjel medji u sekondarji kollha. Għalkemm dan huwa pass pożittiv, qablu u b’mod immedjat meta t-tfal jidħlu fil-primarja għandhom jitgħallmu u jiġi diskuss is-sess u l-iżvilupp li jsir fil-ġisem kemm tal-mara u anki tar-raġel.

Ambjent

Is-settur ambjentali huwa wieħed mill-aktar maqsum fil-Gvern, hekk kif mhux kull proġett ambjentali jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent. L-unika proġett ambjentali li ssemma’ f’Settembru ma kienx tal-Ministeru għall-Ambjent iżda l-istqarrija ħarġet mis-Segretarjat Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi. Il-proġett huwa spazju miftuħ fi Ġnien Indipendenza f’Ħaż-Żebbuġ. Fl-istqarrija hemm miktub li x-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fuq il-ġnien jinkludu ħolqien ta’ spazji bħal żona għall-picnics u basketball court. Iżda meta wieħed jara r-ritratti, jidher li spazju huwa limitat, qisu se jkun bankina wiesgħa bis-siġar fiha mhux ġnien. Apparti li jidher li qiegħed barra mill-urban u b’hekk jaf ikun aktar diffiċli biex in-nies jmorru fih.

Fl-20 ta’ Settembru, kellna World Clean Up Day, u din l-okkażjoni tidher importanti ferm għal Gvern għax għal din l-okkażżjoni inħarġu żewġ stqarrijiet u pparteċipaw żewġ Ministri u Segretarju Parlamentari. Il-Ministeru għall-Ambjent u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika naddfu l-bajja tat-Torri l-Abjad. F’din il-kampanja organizzata minn Saving Our Blue, Project Green u Clean Malta għaqdet aktar minn 60 voluntier. Fl-istess waqt kien hemm Ministeru ieħor qed jorganizza biex isiru diversi clean ups li fihom ipparteċipaw madwar 46 kunsill lokali f’Malta u Għawdex. Il-kunsilli bbenefikaw minn fond ta’ madwar €65,000 wara li applikaw għall-iskema finanzjarja marbuta mal-World Cleanup Day.
 
Il-Gvern magħruf għall-istrateġiji, u huma importanti għax fihom ikun hemm il-viżjoni li għandu l-Gvern. F’Settembru ġiet imnedija l-Istrateġija Nazzjonali għall-Bijodiversità u l-Pjan ta’ Azzjoni sal-2030 mill-Ministeru Għall-Ambjent. L-istrateġija tenfasizza progress importanti f’oqsma bħall-komunikazzjoni, il-protezzjoni tal-art u tal-baħar, l-iżvilupp ta’ policies, u l-użu tal-fondi tal-UE għal proġetti ambjentali kbar. Il-protezzjoni tal-art l-akbar sfida li għandna f’Malta. Għalxejn se nħabbru strateġiji fuq il-biodiversità meta dawn l-ispeċi lanqas fejn imorru m’għandhom. Hemm bżonn tingħata aktar prijorita lil ispazji miftuħa qabel kollox.

Ir-riforma li tħabbret fl-2022, li jiġi mħares ir-raba’ fl-interess pubbliku u fuq kollox li l-bidwi jingħata sostenn għall-biedja kienet essenzjali. Iżda issa rridu nibdew naraw ukoll il-ġenerazzjoni ta’ aktar spazji miftuħa.

L-Ekonomija

Il-kritika tul dawn l-aħħar xhur u anki snin kienet li m’hawx viżjoni u direzzjoni ċara ta’ fejn se nieħdu dan il-pajjiż. Il-Ministeru għall-Ekonomija beda jaħdem fuq din il-viżjoni biex jattira “kumpaniji f’industriji ta’ valur għoli”. Fl-istqarrija deher li l-Ministru ltaqa ma’ kumpanija li tipproduċi turbini tar-riħ, u li s-sena li ġejja se tkun qed tespandi l-operat tagħha fl-Ewropa permezz ta’ fabbrika f’Malta. “Dan se jwassal għal numru ta’ ħolqien ta’ green jobs. Impjiegi ta’ kwalità, f’setturi sostenibbli li huma l-futur għal pajjiżna.” Kumpanija oħra kienet fil-qasam tal-precision engineering li tipproduċi prodotti tal-ogħla livell fejn il-ħaddiema huma kollha inġiniera b’pagi medji ta’ madwar €45,000 fis-sena. Waqt iż-żjara fit-Turkija saru wkoll diversi laqgħat ma’ kumpaniji fil-qasam diġitali, inkluż fil-video games development.
 
Il-Ministeru qal li “dawn huma n-niċeċ ekonomiċi ġodda f’konformi mal-pjanijiet ta’ pajjiżna fejn ser inkunu qed naraw anqas użu ta’ art u volumi ta’ impjiegi, iżda li jkun ta’ kwalità aħjar u b’pagi għola”. L-importanti li dawn in-niċeċ ekonomiċi verament jiġu f’pajjiżna u ma jiġrix simili bħal li ġara meta pajjiżna prova jiġi kkummerċjalizzat bħala blockchain island.

F’nofs Settembru, ftit aktar minn xahar il-bogħod mill-baġit, ġie imniedi d-dokument ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget 2025. S’issa l-Gvern beda jitfa biċċiet ta’ informazzjoni, pero huma fil-maġġorparti tagħhom miżuri ġa eżistenti li se jitkomplew kważi xejn ma ssemma ġdid. Jidher li l-baġit se jsir fit-28 ta’ Ottubru hekk kif f’Settembru ġiet mħabbra d-data.

Il-Ġustizzja u l-Intern

Jekk nieħdu l-qasam tal-Ġustizzja naraw li seħħew sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li se jwasslu għal tisħiħ fil-liġijiet ta’ pajjiżna, fejn tidħol vjolenza fuq il-Pulizija u uffiċjali pubbliċi. Tnediet konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-Qorti tal-Familja. Il-Ministeru sostna impenn tal-gvern favur investiment kontinwu fl-għajnuna legali. Sar ukoll investiment fl-OHSA biex tiġi implimentata b’mod effettiv il-liġi l-ġdida.

Meta ssemmi l-qasam tal-ġustizzja, in-nies mill-ewwel jiġu f’moħħhom il-qrati. Id-domanda li trid issir hi kemm dan qiegħed jiġi trattat u kemm sar progress.
Malta tejbet il-pożizzjoni tagħha. Minkejja dan imma jekk wieħed iħares lejn il-EU Justice Scoreboard li kienet pubblikata xhur ilu wieħed isib li Malta għandha fost l-aktar dewmien fl-Unjoni Ewropea fejn jidħlu s-sentenzi mill-Qrati. Jekk nieħdu l-każi ta’ ħasil ta’ flus, naraw li bħala media dawn jieħdu sena u disa’ xhur biex jinqatgħu. Nafu li ġustizzja li ddum ma ssir hi ġustizzja miċħuda.

Fost il-każijiet li għaddew snin minn fuqhom u għadha ma saritx ġustizzja hemm il-każ ta’ Lassana Cisse. Każ li dalwaqt jagħlaq sitt snin. Ma’ dawn għandek il-każ tal-El Hiblu 3, każ li qiegħed jibda jittawwal minkejja pressjoni lokali u internazzjonali. F’dan il-każ tlett immigranti qegħdin jiġu akkużati b’terroriżmu.

Ħidma li wettaq il-Ministeru u li għad irrid naraw x’effett se jkollha hi l-liġi ġdida dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. L-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni kien li tiddaħħal aktar serjeta u responsabbilità. Għadu kmieni biex wieħed janalizza l-effett. Li hu żgur hu li fl-aħħar ġimgħat u xhur żdiedu l-ispezzjonijeit fuq siti ta’ kostruzzjoni u ttieħdu inizjattivi biex il-pubbliku ikun assistit fuq każijiet ta’ kostruzzjoni. Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, saru kważi 4,000 spezzjoni mill-ispetturi tal-OHSA. Dan waqt li nħarġu 260 multa, li jsarrfu ferm aktar minn kemm ingħataw f’sena sħiħa fl-2023.  Bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, ittieħdu 618-il azzjoni differenti ta’ inforzar fuq il-lantijiet tax-xogħol. Hemm impenn qawwi ta’ investiment fl-awtorità għar-riżorsa umana, fejn il-ħaddiema sal-aħħar tas-sena d-dieħla se jkunu qed jitilgħu għal tmenin.  

Ma’ dan nbdiet evalwazzjoni interna biex issir l-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa u s-Sigurtà f’pajjiżna. Issa l-awtorità għandha s-setgħa li taġixxi bl-aktar mod mgħaġġel biex tipprevjeni sitwazzjonijiet li jkunu qed jiżviluppaw.

Nuqqas ta’ inizjattivi jew kommunikativa aħjar?
B’mod oġġettiv ġew analizzati l-istqarrijiet li ħarġu f’Settembru li jispjegaw l-inizjattivi li ppublika l-Gvern mhux dejjem ġew rrapurtati u agħar minn hekk, il-Gvern mhux dejjem baqa jikkomunika u jfakkar l-inizjattivi li jkun ħabbar. Fil-maġġorparti ta’ drabi ssir konferenza ta’ darba u l-affarijiet li jitħabbru, jintesew.

Ekonomija

Sport