Monday, December 23, 2024

Analiżi tal-Kampjonat Premier: Hibernians jerġgħu jaqbżu fil-quċċata

Aqra wkoll

Il-leaders għal kważi l-istaġun kollu minbarra fl-aħħar żewġ programmi, Hibernians, reġgħu ħadu l-kmand tal-klassifika tal-BOV Premier League meta għelbu l-isfidanti l-kbar tagħhom, Floriana, waqt li Birkirkara ħadu skoss lura meta ħadu punt biss mill-konfront kontra Valletta.

F’dan l-aħħar programm tal-ewwel fażi tal-kampjonat kellna tliet doubles li ġew minn Hamrun Spartans kontra Sliema Wanderers (3-1 u 2-0), minn Gudja United kontra Mosta (1-0 u 3-0) u minn Gzira United kontra Sirens (2-1 u 3-1).

Il-logħba l-iktar mistennija ta’ tmiem il-ġimgħa rat lil Hibernians jiksbu rebħa kbira bl-iskor ta’ 4-1 kontra Floriana biex reġgħu ħadu l-kmand tal-klassifika b’żewġ punti fuq l-istess avversarji.

Floriana kienu għaddejjin minn sensiela pożittiva ta’ 11-il-logħba bla telfa li kienet tinkludi disa’ rebħiet u żewġ draws bl-aħħar ħames logħbiet iku­nu kollha rebħiet.

Min-naħa tagħhom il- Pawlisti sofrew telfa waħda dan l-istaġun li ġiet tliet logħbiet ilu meta Birkirkara għelbuhom 3-2 b’goal seba’ minuti mit-tmiem wara li kienu fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals iżda ġew milħuqa mit-team ta’ Stefano Sanderra.

Kmieni fl-ewwel taqsima Hibernians kellhom perjodu tad-deheb meta fetħu vantaġġ ta’ 3-0 fi spazju ta’ 11-il minuta. Kien Jurgen Degabriele li fetaħ l-iskor fis-16-il minuta waqt li Dunstan Vella rdoppja fl-24 minuta, u għal darb’oħra kien Degabriele li għamilhom tlieta fis-27 minuta.

Meta daru Jake Grech kompla jkabbar il-vantaġġ meta għamilhom 4-0 fis-56 minuta u lejn it-tmiem kien Christian Rutjers (85) li skor­ja l-goal ta’ konsolaz­zjoni għall-Greens.

Il-logħba l-oħra mistennija għal raġunijiet diffe­renti rat lil Birkirkara u Valletta jtemmu fi draw ta’ 1-1 biex b’hekk dan l-istaġun ma kienx hemm rebbieħ bejniethom meta fl-ewwel round spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals.

Kien Paul Mbong li fetaħ l-iskor għal Birkirkara wara 26 minuta u meta kollox kien qed jindika li kienu huma li se jmorru lejn id-dar bit-tliet punti, il-Beltin kisbu d-draw fil-91 minuta meta żball tal-goalkeeper Amara Sylla rregala l-ballun lil Emmanuel Oluwatubi f’qagħda ċentrali u dan sab ix-xibka minn barra l-kaxxa.

Minkejja dan Valletta naqsu li jiksbu post fiċ- Championship Pool u għalhekk se jkunu qed jissieltu biex jevitaw li ma jiġux relegati ma’ erba’ timijiet oħra, xi ħaġa li huma qatt ma esperjenzjaw fl-istorja tagħhom.

Iċ-champions Hamrun Spartans kisbu d-double fuq Sliema Wanderers meta għelbuhom 3-1 biex temmew fir-raba’ post iżda iċ-ċansijiet tagħhom li jżommu t-titlu huma remoti meta jinsabu 12-il punt wara Hibernians u 10 wara Floria­na li jfisser li jridu jirbħu l-ħames logħbiet tagħ­hom u t-tnejn imsemmija jfallu l-punti drastikament.

L-Ispartans fetħu vantaġġ kmieni minn Joseph Mbong wara biss 39 sekondi waqt li Faissal El Bakhtaoui għamilhom    tnejn fis-17-il minuta. Meta daru l-Wanderers naqqsu d-distakk b’xutt angolat ta’ Jean Carlos Goncalves fis-56 minuta iżda sitt minuti wara Franklin Sasere ssiġilla r-rebħa Ħamruniża meta sab ix-xibka minn penalty wara li Mark Scerri waqqa’ lil Mbong fil-kaxxa.

B’din it-telfa Sliema huma kważi relegati fin-National League meta iktar huwa każ ta’ meta milli jekk. U dan għat-tieni darba fl-istorja tagħhom wara xejn inqas minn 35 sena.

Sta Lucia, li dehru kandidati li jiġu relegati wkoll, kisbu rebħa prezzjuża meta għelbu lil Balzan 1-0 b’goal fil-91 minuta mis-sostitut Alan da Silva Souza li sab ix-xibka b’xutt minn barra l-kaxxa.

Is-Saints kisbu tliet reb­ħiet, draw u telfa, fl-aħħar ħames logħbiet biex issa kollox huwa nċert dwar minn se jiġi relegat ma’ Sliema Wanderers għalkemm dawn għadhom ma waqgħux matematikament.

Gzira United kisbu double wkoll meta għelbu lil Sirens 2-1 minkejja li għalqu l-ewwel taqsima goal minn taħt li wasal minn Vitor Vieira fit-43 minuta.

Il-Maroons, li kienu diġá ċerti minn post fiċ-Cham­pionship Pool, kisbu d-draw minn Toni Kolega fit-68 minuta bil-goal tar-reb­ħa jiġi minn free-kick tal-captain Nikolai Muscat, fil-81 minuta, li ma tal-ebda ċans lill-goalkeeper Jonathan Debono isalva.

Minuta qabel Adrian Borg ħalla lil Sirens b’10 players meta kkommetta l-foul li wassal għal free-kick u fl-istess ħin kien l-uniku player li ġie mkeċċi fi tmiem il-ġimgħa.

Fatt interessanti huwa li Gzira United huma t-team li f’din l-ewwel fażi naqas milli jsib ix-xibka avversarja darba biss.

Gudja United kisbu post fiċ-Championship Pool meta għelbu lil Mosta 1-0 biex b’hekk anke huma kisbu double. Iżda kuntratju għal Sta Lucia l-goal uniku wasal wara biss tliet minuti meta Llywelyn Cremona tefa’ fix-xibka wara taħwida quddiem il-lasti Mostin.

Meta s-sistema tal-kampjonat kif inhi llum ġiet introdotta dan l-istaġun il- Gudjani huma l-uniku team li ġie promoss flimkien ma’ Sirens u Sta Lucia tliet snin ilu li daħal fiċ-Championship Pool bit-tnejn l-oħra se jieħdu sehem fir-Relegation Pool.

F’din it-22 ġurnata tal-istaġun, it-total ta’ goals tela’ għal 16 wara li fil-21 ġurnata kien wieħed baxx ta’ 12-il goal. Dawn il-goals ġew 5 minn players Maltin u 11 mill-barranin.

Ekonomija

Sport