Il-Pulizija ressqet aktar persuni fil-Qorti b’rabta mal-iżbark illegali ta’ diversi immigranti fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Settembru li għadda f’Delimara. B’kollox tressqu sitt persuni akkużati bi traffikar ta’ persuni, bi tnejn minnhom ikunu akkużati b’rabta ma’ kriminalità organizzata.
L-ewwel li tressqu kienu Roger Mangion ta’ 64 sena minn Birżebbuġa u t-Tuneżin Mohamed Derbel ta’ 46 sena residenti Birkirkara. Huma ġew mixlija li bejn il-15 ta’ Lulju u t-3 ta’ Ottubru li għadda, organizzaw jew iffinanzjaw għaqda ta’ żewġ persuni jew aktar bil-ħsieb li jagħmlu reati kriminali, li kienu parti minn din l-għaqda u li għenu persuni oħra biex jidħlu Malta bi ksur tal-liġi.
Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, il-Prosekuzzjoni spjegat li nhar l-14 ta’ Settembru, il-Pulizija rċeviet informazzjoni li kienu għadhom kemm żbarkaw xi immigranti fl-inħawi ta’ Delimara.
Intqal li l-Pulizija marret fuq il-post fejn arrestat 10 persuni mill-Bangladesh li saħqu magħhom li kienu għadhom kif żbarkaw minn fuq dgħajsa li kienet akkumpanjata minn luzzu Malti.
Minn analiżi tat-telefonati li kienu saru ftit tal-ħin qabel f’dawk l-inħawi, il-Pulizija waslu għal mobile partikolari ta’ Sirjan li ġie arrestat nhar is-17 ta’ Settembru. Huwa kien tressaq fil-Qorti fejn ammetta li kien qed isuq id-dgħajsa li ġabet l-immigranti li kienu fuq vapur qrib Lampedusa.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li waħda mid-dgħajjes li ntużat biex telgħu dawn l-immigranti kienet tgħajjat lill-imputat Roger Mangion li sussegwentement kien arrestat fid-19 ta’ Settembru u aktar tard rilaxxat fuq police bail.
Sadanittant, fl-istess jum irriżulta li wieħed mill-membri tal-ekwipaġġ kien identifikat bħala Indoneżjan li indika min kien il-Kaptan. Meta l-Pulizija marret biex tkellmu, dan tal-aħħar qalilhom li ma kellux il-passaport għandu iżda kien għand Mangion. Intqal li minn aktar stħarriġ irriżulta li din il-persuna kienet Mohamed Derbel u li l-passaport instab fir-residenza tiegħu f’Birkirkara.
Derbel kien ġie arrestat fit-3 ta’ Ottubru u investigat mill-pulizija, bir-raġuni tal-arrest tkun li allegatament assista persuni jidħlu f’Malta b’mod illegali. Il-Qorti kkonvalidat l-arrest tiegħu, wara li qalet li huwa kien tressaq taħt arrest fuq l-imsemmija akkużi bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest li ġie eżegwit it-Tnejn li għadda u nġieb quddiemha fi żmien 48 siegħa.
Mangion u Derbel wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom iżda baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv wara li kellhom it-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti.
Wara tressqu erba’ Sirjani, li l-età tagħhom tvarja bejn il-31 u l-48 sena, li kienu akkużati li assistew fl-iżbark ta’ immigranti illegali. Fil-Qorti ħareġ li l-irġiel kienu taw informazzjoni lill-pulizija u qegħdin jassistuhom fl-investigazzjonijiet.
Il-Maġistrat Farrugia laqgħet it-talba tad-Difiża biex isem l-akkużati ma jixxandarx sabiex ma jkunx hemm tfixkil fl-investigazzjonijiet tal-pulizija. Il-Qorti sabithom ħatja u kkundannathom sena ħabs sospiżi għal tliet snin kull wieħed.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Karl Roberts. L-Avukat David Farrugia Sacco deher għal Roger Mangion filwaqt li l-Avukati Josè Herrera, Matthew Xuereb u Christina Camilleri Deguara dehru għal Mohamed Derbel. L-Avukati Alfred Abela, Noel Bianco u Mattia Felice dehru għas-Sirjani.
B’rabta ma’ dan il-każ, diġà tressqu żewġ persuni oħra – Sirjan ta’ 50 sena li ntbagħat 13-il xahar ħabs u Eġizzjan ta’ 35 sena li qiegħed jinżamm arrestat wara li ċaħad l-akkużi li għen biex jidħlu immigranti f’Malta b’mod illegali.