Tuesday, December 24, 2024

Andrea Pisanu jieħu post Stefano Sanderra bħala coach ta’ Hibernians

Aqra wkoll

Stefano Sanderra m’għadux il-coach ta’ Hibernians wara li t-Taljan laħaq ftehim maċ-champions ta’ Malta biex itemm il-kuntratt tiegħu wara li rċieva offerta biex jieħu f’idejh il-kariga ta’ head coach ta’ SS Lazio Primavera.

Il-Pawlisti mxew malajr sabu sostitut għall-coach Taljan ta’ esperjenza hekk kif laħqu ftehim biex jaħtru lil Andrea Pisanu bħala l-coach il-ġdid tagħhom.

It-tluq ta’ Sanderra minn ma’ Hibernians se jitqies bħala telfa kbira għall-club minn Raħal Ġdid hekk kif matul dawn l-aħħar tliet snin il-coach Taljan irnexxielu jibni skwadra ferm kompetittiva li laħqet il-qofol tagħha fl-istaġun li għadda meta l-club ġie inkurunat bħala champion ta’ Malta.

Iżda anke matul l-istaġuni ta’ qabel, Hibernians kienu għadhom qed jiġġieldu għat-titlu tal-Kampjonat Premier hekk kif fl-istaġun 2018-19 ġew megħluba minn Valletta f’decider filwaqt li fiż-żewġ kampanji ta’ wara, it-team ikklassifika fit-tielet u t-tieni post fl-ogħla diviżjoni tal-football Malti.

“Hibernians FC jistgħu jikkonfermaw li ntlaħaq ftehim mas-Sur Stefano Sanderra għat-terminazzjoni tal-kuntratt tiegħu, peress li se jkun qed jingħaqad ma’ S.S. Lazio Primavera fl-Italja,” qal il-club mill-Kampjonat Premier fi stqarrija.

“Stefano ingħaqad mal-club tagħna fis-Sajf 2018, u fl-ewwel staġun tiegħu mal-club irnexxielu jġiegħel decider tal-kampjonat u eventwalment jispiċċa bħala runners up fil-Kampjonat BOV Premier.

“Fl-istaġuni 2019/20 u 2020/21, il-kampjonat kien ġie tterminat minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta, u fiż-żewġ okkażjonijiet il-klabb tagħna kien qed jiġġieled fl-ogħla postijiet tal-Kampjonat BOV Premier, u spiċċa fit-tielet u t-tieni rispettivament.

“L-istaġun li għadda, Stefano mexxa lit-team tagħna għal suċċess fil-kompetizzjonijiet Ewropej hekk kif kkwalifikajna għall-ewwel darba fl-istorja tal-club għat-tielet Round tal-UEFA Europa Conference League. Wara l-eliminazzjoni tagħna mill-Ewropa, irnexxielu jżomm ġirja konsistenti biex rebaħ it-13-il titlu tal-Kampjonat għall-club tagħna.

“B’kollox, Stefano mexxa lit-team tagħna għal 120 partita, rebaħ 74, ġie draw 20 u tilef 26 logħba.

“Il-club jixtieq jirringrazzja lil Stefano Sanderra tal-ħidma straordinarja tiegħu tul dawn l-erba’ snin, u jawguralu l-isbaħ xewqat fl-avventura l-ġdida tiegħu. Inti dejjem tibqa’ parti mill-istorja tagħna!”

Hibernians issa se jkunu taħt it-tmexxija ta’ Andrea Pisanu, l-ex coach ta’ Sliema Wanderers, li l-Ħamis filgħaxija laħaq ftehim maċ-champions ta’ Malta biex jieħu t-tmun tat-team.

Pisanu għandu ftit snin esperjenza fil-football Malti, l-ewwel bħala player u mbagħad bħala coach ta’ Sliema Wanderers.

Il-perjodu tiegħu mal-Wanderers bħala coach ġie fi tmiemu f’Jannar li għadda meta tneħħa mill-club fi Frar li għadda.

Pisanu ftit se jkollu ħin biex jissetilja ma’ Hibernians hekk kif it-Taljan irid jidħol biex iżid it-tħejjijiet tat-team għall-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni taċ-Champions League ta’ nhar it-Tlieta li ġej, fit-tieni leg, kontra ċ-champions Irlandiżi, Shamrock Rovers.

Il-Pawlisti għandhom biċċa xogħol iebsa biex idawru r-riżultat favurihom wara li nhar it-Tlieta li għadda, tilfu l-ewwel leg bl-iskor ta’ 3-0 fl-Irlanda.

Ekonomija

Sport