Thursday, February 26, 2026

Andrei Agius kowċ ġdid ta’ Hibernians

Aqra wkoll

Hibernians ħabbru li Branko Nisevic m’għadux il-kowċ tagħhom u ħatru lill-assistent tiegħu Andrei Agius bħala kowċ ġdid.

Din l-aħbar waslet ġurnata biss wara li l-Pawlisti sfaw eliminati mill-Meridianbet FA Trophy wara telfa ta’ 3-2 kontra Gzira United.

Dan ir-riżultat fisser ir-raba’ telfa konsekuttiva tal-klabb fil-kompetizzjonijiet kollha u l-klabb ħass li kellha ssir bidla fit-tmexxija.

“Hibernians Football Club iħabbar li, wara diskussjonijiet kordjali, il-Klabb u l-Kowċ Branko Nisevic laħqu ftehim reċiproku biex itemmu l-kuntratt ta’ bejniethom,” qalu Hibernains FC fi stqarrija.

“Il-klabb jixtieq jirringrazzja lis-Sur Nisevic għax-xogħol, l-impenn u l-professjonaliżmu tiegħu matul iż-żmien tiegħu ma’ Hibernians FC u jestendi l-awguri tiegħu għall-futur.

“Hibernians Football Club huwa wkoll kuntent li jikkonferma l-ħatra ta’ Andrei Agius bħala l-Kowċ il-ġdid.

“Huwa se jkun assistit minn Igor Bubnjić, li ilu jifforma parti mit-tim tekniku tal-klabb minn Novembru.

“Il-Klabb iħares ‘il quddiem lejn dan il-kapitlu ġdid u jibqa’ ffukat bis-sħiħ fuq il-kisba tal-objettivi sportivi tiegħu.”

Agius għandu sfida quddiemu biex ipoġġi lil Hibernians lura fit-tellieqa għal post fit-Top  6.

Il-Pawlisti bħalissa jinsabu fid-disa’ post fil-klassifika b’10 punti, żewġ punti wara Valletta u Sliema, iżda hemm seba’ timijiet li qed jikkompetu għal erba’ postijiet fit-Top 6.

Agius mistenni jagħmel id-debutt tiegħu bħala kowċ ta’ Hibernians nhar is-Sibt meta jiffaċċjaw lil Valletta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport