Wednesday, December 25, 2024

Andrei Fenech u Kim Camilleri Laganà jirbħu l-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-xahar ta’ Settembru

Aqra wkoll

Andrei Fenech (Karting) u Kim Camilleri Laganà (Weightlifting) huma r-rebbieħa tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Settembru 2024.

Andrei Fenech li għad għandu 7 snin, mhux biss rebaħ it-titlu nazzjonali tar-Rotax Micro b’total ta’ 125 punt imma kiser ir-rekord preċedenti tiegħu stess meta waqqaf rekord ġdid ta’ 44.76 sekondi. Dan is-suċċess jagħmel lil Andrei Fenech  sewwieq promettenti fix-xena internazzjonali tar-Rotax Karting series.

Min-naħa l-oħra Kim Camilleri Laganà li għandha 16-il sena, ġiet fis-seba’ post fil-Kampjonati Dinjija ta’ taħt l-20 sena organizzati mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Weightlifting li saru f’Leon fi Spanja. Hija kkompetiet fil-kategorija B tad-49 kilogramma u  refgħet 64 kilogramma fl-isnatch u fil-clean and jerk kellha refgħat ta’ 84 u 86 kilogramma. Il-lifter Maltija temmet l-impenji tagħha f’din il-kompetizzjoni b’total ta’ 150 kilogramma.

Il-preżentazzjoni tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar lir-rebbieħa saret minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-President Clinton Buhagiar flimkien mas-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham u l-Amministratur Stephen Azzopardi.

Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba lokalment u internazzjonalment matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominazzjonijiet iridu jkunu għal atleti ta’ taħt il-21 sena.

In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email fuq [email protected]. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu f’dan il-link https://www.maltasportsjournalists.com/atlas-youth-athlete-of-the-month-rules-and-regulations/

Ekonomija

Sport