Il-leġġenda ta’ Barcelona Andres Iniesta jistenna li l-ex sieħbu ta’ nofs il-ground Xavi isir il-coach il-ġdid tal-club fil-futur.
Xavi huwa maħsub li huwa wieħed mill-kandidati ewlenin fix-short list ta’ ħames players tal-club Katalan biex jieħu post il-manager attwali Ronald Koeman, jekk jiddeċiedu li jeħilsu lill-Olandiż mid-dmirijiet tiegħu.
L-ex player ta’ 41 sena ilu fir-rwol ta’ manager mill-2019 mal-club Qatari Al Sadd, u Iniesta jemmen li l-ex kollega Spanjol tiegħu huwa iktar minn lest biex jagħmel il-pass li jmiss fil-karriera tiegħu ta’ coach.
“Naħseb li huwa lest, iva. Jekk tistaqsini jekk nimmaġinax lil Xavi fuq il-bank ta’ Barcelona, nemmen li iva, jinsab lest. Fuq kollox għax kien qed jipprepara u jitħarreġ biex jikkowċja lil Barcelona. Huwa għandu l-fiduċja tiegħi biex jieħu din l-isfida,” qal Iniesta.
Iniesta nnifsu ta l-ħsibijiet tiegħu dwar karriera potenzjali fil-coaching billi qal li:
“Hemm ġranet li taħseb li trid tikkowċja, oħrajn le, ma nafx. Huwa veru li għandi naħseb dwar taħriġ u nara x’inhuma l-possibbiltajiet.”
Xavi u Iniesta għamlu 1,441 dehra flimkien fil-kompetizzjonijiet kollha għal Barcelona, u rebħu seba’ titli tal-La Liga u erba’ edizzjonijiet taċ-Champions League flimkien mal-istess club.